Sa minn sbiħ il-jum, it-tonn beda jaqbeż daqs il-mulett hekk kif għaraf li ġej l-għalf.
Sa minn kmieni filgħodu, crew ta’ ONE News segwa l-ħidma li jwettqu ta’ kuljum l-operaturi tal-fish farms.
Matul il-lejl ibaħħru bil-bċejjeċ tal-baħar tagħhom, attrezzati bl-aqwa makkinarju, sabiex jagħlfu t-ton u jnaddfu ż-żejt li jinħoloq mill-ikel li jitimgħu lill-ħut.
Fl-ibħra Maltin hawn ħames operaturi tal-fish farm, zewġ fish farms jinsabu lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Malta u tlieta oħra jinsabu lejn in-Nofsinhar.
Kull gaġġa għandha aktar minn elf tonn.L-ewwel fish farm li żorna kien dak ta’ Charles Azzopardi li jinsab ħames kilometri l-barra mill-kosta ta’ Buġibbba.
Waqt li waddab il-ħut iffrizat lit-tonn, is-Sur Azzopardi spjega l-ħidma li jagħmlu l-kollegi tiegħu fejn inizzlu boroz mimlija ħut frizat sabiex jagħlfu t-tonn.
Oħrajn dehru jnaddfu ż-żejt li jinħoloq mill-ikel li jagħtu l-ħut u li għas-sjuf sħaħ kien sors ta’ kontroversja minħabba t-tniġġis fil-baħar. Madankollu ħafna miż-żejt qed jinġabar mill-baħar u saħansitra esportat wara li qed jinżamm permezz ta’ booms li ġew installati madwar il-gaġġeġ.
Il-booms huma strutturi li jzommu zejt milli joħroġ mill-fish farms u jħammeġ u jnitten ix-xtajtiet.
Qbadna t-triq lejn in-naħa ta’ isfel ta’ Malta, fejn waqqafna fil-fish farm ta’ Saviour Caruana. Spjega li bħalissa jinsabu fil-perjodu li jħaxxnu l-ħut. Proċess li beda f’Lulju, sabiex iħaxxnu lit-tonn u jtellgħulu l-piz.
Spjega li f’Ottubru jibda jinqatel it-tonn u jibqa’ sejjer sa Diċembru.
Qal li l-biċċa l-kbira tat-tonn qed jiġi esportat lejn il-Ġappun bil-valur tal-produzzjoni tal-ħut ilaħħaq il-mitejn miljun ewro kull sena.
Sitt kilometri ‘l barra mill-kosta ta’ Marsaxlokk, hemm Fish Farm ieħor ta’ Saviour Ellul. Is-Sur Ellul ingħaqad mal-ħabib tiegħu ta’ Azzopardi Fisheries u tkellem dwar l-importanza tal-booms li saru dan is-sajf.
L-operaturi bejniethom investew mal-€100 miljun, iżda fadlilhom jinvestu mal-ħamsin miljun oħra sabiex ikunu rregolati aħjar.
Is-Sur Ellul spjega l-problemi li jiffaċċjaw sabiex irabbu t-tonn fil-gaġġeġ.Erba’ minn ħames operaturi tal-Fish Farms huma rapprezentati mill-Federazzjoni Maltija tal-Akwakultura.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Charlon Gouder qal li l-operaturi tal-fish farms qed jagħmlu l-investiment meħtieġ sabiex jassiguraw baħar nadif. Filwaqt li spjega kif huma sodisfatti bil-ftehim li qegħdin jilħqu mal-Gvern.
Kull min jixtieq jagħmel xi ilment jista’ jagħmel kuntatt mal-Federazzjoni Maltija tal-produtturi tal-akwakultura.