L-inċertezza dwar it-triq ‘il quddiem fil-Partit Nazzjonalista kompliet tikber anki għall-fatt li d-deputati Nazzjonalisti sa issa tħallew fl-għama.
Ikkonferma dan id-deputat Nazzjonalista stess Edwin Vassallo li dahru mal-ħajt stqarr li ma jafx meta se jitlaqqa’ l-grupp parlamentari Nazzjonalista.
Din id-dikjarazzjoni xotta ta’ Edwin Vassallo kompliet tixhed il-qasma li hemm hekk kif rapport f’diversi midja indipendenti rrapurtaw li qed jinġabru l-firem minn fost id-deputati Nazzjonalista sabiex Delia jitneħħa.
Vassallo li mhux dejjem ġibed ħabel wieħed ma’ Delia u imbarazzah bħal meta vvota kontra l-liġi tal-vjolenza domestika, prova jbenġel id-dikjarazzjoni tiegħu billi qal li m’hemmx urġenza biex jitlaqqa’ l-grupp parlamentari hekk kif diġa ilu ġimgħa li reġa’ beda jiltaqa’ l-Parlament.
Sadanittant waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellem il-kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius.
Agius, anki jekk deher skomdu qabel staqsejnih eżatt kien kostrett li jiddefendi lil David Casa u Roberta Metsola, iż-żwiemel Nazzjonalisti li hu jrid itellaq magħhom u jipprova jegħlibhom.
Skont Peter Agius, li ħataf f’idu l-mikrofonu ta’ dan l-istazzjon, David Casa u Roberta Metsola ħadmu fl-interess ta’ pajjiżna anki meta vvutaw kontra Malta. Sostna li dawn telgħu f’isem il-Partit Nazzjonalista u b’dikjarazzjoni ċara deherlu li dawn wettqu xogħolhom sew.