Rewwixta li dehret kbira fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi ġiet ikkontrollota mill-forzi tal-ordni wara ftit tal-ħin.
Il-protesti mill-immigranti bdiet fl-10:30 ta’ filgħodu fejn mill-ewwel deher li dan kien irvell li kellu jittieħed b’serjetà kbira.
Fil-fatt intalbet l-assistenza tal-pulizija u minnufih stajna naraw preżenza qawwija ta’ pulizija u dawk ta’ kontra l-irvellijiet.
Min-naħa tagħhom l-immigranti dehru jsabbtu u jixxabtu mal-ħadid u jtellgħu kartelluni b’talba għal-libertà.
Uħud minnhom bdew jipprotestaw għax ilhom 4 xhur fiċ-ċentru ta’ detenzjoni.
L-għajjat tagħhom ma naqasx u għalenija komplew jipprotestaw.
Ftit tal-ħin wara dehret ukoll daħna sewda tiela’ mill-binja f’Ħal Safi fejn hu mifhum li tqabbdu xi saqqijiet mill-immigranti.
Ambulanzi dehru jidħlu u joħorġu miċ-ċentru fejn kellhom jittieħdu għal kura xi uffiċjali taċ-ċentru għad-detenzjoni u immigranti.
L-affarijiet ikkalmaw ftit tal-ħin wara fejn saħansitra stajna nisimgħu li xi immigranti jieqfu jsallu u jitolbu.
Il-Pulizija u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili baqgħu fuq il-post għall-ħin twil biex ikunu lesti jagħti l-għajnuna f’każ ta’ ħtieġa.