Il-Vġili tal-Għid wara nżul ix-xemx tas-Sibt fi dħul il-lejl. Hija liturġija unika li l-qofol tagħha
jintlaħaq fiċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija wara l-Liturġija tal-Kelma. Flimkien
maċ-ċelebrazzjoni tal-Ħamis filgħaxija u dik tal-Ġimgħa l-Kbira, din tal-lum hija l-qofol
tas-sena liturġika għaliex fiha l-Knisja tgħix mill-ġdid il-ġrajja tas-salvazzjoni, mhux
b’nostalġija jew b’tifkira ta’ dak li ġara elfejn sena ilu, imma għax għadha sseħħ illum.Il-Liturġija tibda fuq iz-zuntier tal-knisja bit-tberik tan-nar u l-mixgħela tal-blandun li huwa
simbolu ta’ Kristu nnifsu. L-Insara jidħlu wara l-blandun mixgħul fil-knisja mudlama u minnu
jixgħelu d-dwal tagħhom u jgħaddu d-dawl lil xulxin. Wara li jitħabbar l-Għid jibda l-qari ta’
siltiet mill-Kotba Mqaddsa li jwasslu bil-mod il-mod għall-mument tat-Tħabbira
tal-Evanġelju, din is-sena minn San Mark, li jirrakkonta l-Qawmien mill-mewt ta’ Ġesù.
Wara l-omelija tibda l-liturġija tal-Magħmudija fejn biż-żewġ elementi naturali, in-nar u l-ilma
(imbierek bin-nar), jinħoloq l-ilma tal-Magħmudija li jagħti l-ħajja ta’ Alla lil min jitgħammed
bih.