Il-prinjolata. Ħelwa manna u tinżel għasel f’dawn iż-żminijiet tal-Karnival.
Ġejja mill-kelma prinjol, il-prinjolata fiha diversi proċessi biex issir.
Noel Borg, dulċier t’esperjenza fehmna dan qalb l-prinjolati.
Borg spjega kif “Mela l-ewwel proċess aħna nibdew nagħmlu l-gallettina minn ġurnata qabel, vera gallettina fina, tajjeb. Dejjem trid tagħmilha ġurnata qabel u taħmiha ħalli l-għada inti tkun tista’ tilħaq tiksaħ u tikkrispja daqxejn.”
Hu u jispjega kemm il-ħelu ma tistax tmur żmerċ fih spjegalna l-aħħar proċess biex il-prinjolata tieħu s-sura kif nafuha.
Qal kif “Imbagħad jibda l-proċess primarjament il-bażi ta’ kollox. Nagħżlu l-isfar għall-abjad tal-bajd, intellgħu l-meringa u ngħallu z-zokkor mija u erbgħin grad. Issa meta jgħali z-zokkor mija u erbgħin grad hemm hekk trid tkun vera preċiż għaliex? Għaliex ma tistax tagħmlu inqas, ma tistax tagħmlu iżjed. Jekk tagħmlu inqas ħa tiġik ratba l-prinjolata, jekk tagħmlu iżjed ħa tiskuralek u tiebislek allura inti vera trid tkun preċiż. Vera trid tkun iffukat fuqha l-biċċa tax-xogħol.”
Ma setax jonqos li jdewwaqna biċċa u jgħidilna kif il-prinjolata għadha mfittxija mill-Maltin.
Borg spjega kif “Hija xi ħaġa li tiġi darba f’sena jiġifieri din mhux ħa ssibha l-istaġun kollu, qed tifhem? Imma hemm ċertu perjodi li ħa jfittxu l-prinjolata u naħseb iva għadha popolari l-prinjolata.”