Hu u dieħel għal Kunsill Ewropew li qed jiddiskuti Brexit il-Prim Ministru Joseph Muscat li qal li huwa diżappunt li quddiem l-ikbar kriżi politika hija diskussjoni teknika dwar artiklu 50.
“Ma nafx min minn 500 miljun ruħ jaf x’inhu artiklu ħamsin,” qal il-Prim Ministru li tenna li quddiem dan kollu hemm bżonn diskussjoni politika dwar x’wassal għal dan kollu.
Dwar il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-pożizzjoni ta’ Malta tibqa’ dik li ma nieħdux sitt xhur oħra. Waħda mill-għażliet tista’ tkun li Malta tispiċċa tliet xhur wara u l-Estonja tliet xhur qabel.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll mal-aġenzija tal-aħbarijiet BBC, fejn sarulu numru ta’ mistoqsijiet dwar il-fehma tiegħu.
Fuq l-istazzjon CNN il-Prim Ministru qal li hemm bżonn li mexxejja Ewropej ikunu kostruttivi u kwalunkwe ftehim se jkun aktar ta żvantaġġ minn membership.
Qabel daħal il-Justus Lipsius fejn jiltaqa’ l-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru ltaqa’ ma’ mexxeja soċjalisti Ewropej, liema laqgħa kellha attendenza sinnifikanti.