Ngħixu f’pajjiż sabiħ, li jaf iħobb u jaf jgħix b’mod seren. Pajjiż li fih, l-imħabba ma tħarisx lejn l-uċuħ. Pajjiż li kburi bih. Kburi li m’għandniex kuluri politiċi, m’għandniex twemmin wieħed, m’għandniex sterjotipi.
Dan kien is-sens ta’ kburija li bih tkellem il-Prim Ministru ta’ pajjiżna fil-messaġġ tiegħu għas-sena l-ġdida.
F’messaġġ ta’ tama u viżjoni għall-poplu Malti u Għawdxi, Joseph Muscat elenka s-suċċessi li kiseb pajjiżna matul din is-sena, u tkellem dwar dak li jrid mill-elfejn u tmintax bil-għan li pajjiżna jkun imħejji aħjar għall-ġejjieni.Filwaqt li ħares lejn l-elfejn u sbatax bħala s-sena li l-poplu reġà tah il-fiduċja li jservi, b’ottimiżmu tkellem dwar l-elfejn u tmintax. Sena li se tibda b’pajjiżna fiċ-ċentru tal-vetrina Ewropea u dinjija permezz tal-Belt Valletta, li se tkun il-belt kapitali Ewropea tal-Kultura.
Qal li l-elfejn u tmintax se tkun is-sena li fiha se jkompli jimbotta ’l quddiem aktar riformi fuq suġġetti kontroversjali li iżda ma jistgħux jibqgħu taħt it-tapit.
Il-Prim Ministru temm jgħid li jinsab persważ li matul is-sena l-ġdida, pajjiżna se jerġa’ jirbaħ l-isfidi li jiġu quddiemu.
Irringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għaliex fi kliemu kien biss bis-saħħa tiegħu li dan il-pajjiż huwa wieħed b’saħħtu.
“Minn qalbi, f’ismi, f’isem marti Michelle, f’isem uliedna u f’isem il-Gvern kollu, awguri lill-Maltin u Għawdxin kollha. Awguri għal sena ġdida mimlija saħħa, għaqda u paċi.”