Komplew id-dikjarazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista li jipprovaw jitfgħu dubju dwar Helena Dalli.
Din id-darba permezz tal-midja tiegħu.
Dan qiegħed iseħħ minkejja li l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qal li qiegħed jappoġġja n-nomina ta’ Helena Dalli għall-Kummissarju Ewropew.
Wara l-mod kif ġab ruħu fil-plenarja l-ewro parlamentari David Casa u t-tgħajjir tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fuq Twitter waqt is-smigħ, issa huma l-ġurnalisti tan-NET li qegħdin jibnu kampanja fuq il-kredibbiltà ta’ Dalli.
Meta dan l-argument tqiegħed f’mistoqsijiet lill-Prim Ministru, Joseph Muscat innota kif din l-attitudni tikkonferma kif il-Partit Nazzjonalista jgħid ħaġa u jagħmel oħra.
Ġurnalitsa minn NET News stqarret “Prim Ministru jidher li Helena Dalli dan qatt ma qalitu hawn Malta.”
“Qed nirreferi għal Helena Dalli meta qalet li kienet tagħmel l-affarijiet differenti.”
Il-Prim Ministru saħaq li jekk kien hemm politiku li f’Malta qal mod u fi Brussell ieħor, kien l-eks Ministru Tonio Borg meta kien mistoqsi dwar l-abort. Dan qabel hu sar Kummissarju Ewropew.
Il-Prim Ministru sostna “Forsi qed tirreferi għal Tonio Borg meta kien qal fil-Parlament Ewropew li m’għandux problema li jkun kummissarju f’qasam li m’għandux x’jaqsam mal-abort meta hawn Malta qatt ma qal hekk.”
Ir-reporter tan-NET kompliet bl-insistenza tagħha li Helena Dalli tgħid mod Malta u mod ieħor Brussell, u hawn il-Prim Ministru ħareġ konklużjonijiet ċari.
Il-Prim Ministru tenna: “It-tieni punt qed tikkonfermali kemm il-PN jgħid ħaġa u jagħmel oħra. Qed tikkonfermali kif anke matul il-hearing il-PN kien kontra Helena Dalli minkejja li l-PN qal li se jkun favur.”
Fuq kollox, il-Prim Ministru tkellem hekk dwar is-smigħ ta’ Helena Dalli.
“Jien kuntent ħafna b’dak li għamlet, qalet u aġixxiet Helena”, temm jgħid il-Prim Ministru.