Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li r-riżenja ta’ Justyne Caruana minn Ministru għal Għawdex huwa eżempju ċar u konkret tal-livell ta’ etika li huwa mistenni mill-politiċi f’pajjiżna.
Dr Abela qal dan f’kumment lill-ġurnalisti fi tmiem is-seduta parlamentari tat-Tnejn filgħodu li matulha ħabbar li kien aċċetta l-ittra ta’ riżenja ta’ Justyne Caruana minn Ministru.
Dan wara rapporti fil-midja fejn ingħad li żewġha siefer ma’ Yorgen Fenech fi żmien meta kien qiegħed jitqies bħala persuna ta’ interess fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-Prim Ministru Abela sostna: “Illum tajna l-indikazzjoni, tajna eżempju ċar u konkret tal-livell ta’ etika li huwa mistenni.”
Bi kliem ċar, il-Prim Ministru żied jgħid li dan il-livell ta’ etika se jkun qiegħed jistennieh ukoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li dwaru hemm akkużi gravi ta’ ħasil ta’ flus li ġejjin mill-prostituzzjoni u mid-deputati tiegħu.
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna: “Nittama li Adrian Delia jieħu l-eżempju li juża l-linja ta’ etika li użajna aħna miegħu nnifsu, mad-deputati tiegħu u se nkun qed ninsisti li dak huwa l-istandard il-ġdid, li rridu nimxu miegħu u se nkun qiegħed nistiednu u anzi qed nistenna li hu jimxi bl-istess linja ta’ etika u governanza tajba.”
Mistoqsi dwar diversi allegazzjoni li dehru fil-midja, Dr Abela sostna li kif diġà ddikjara l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri, l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija għandu jagħmel kull indaġni li hija meħtieġa. Sostna li dawn huma deċiżjonijiet li jrid jeħodhom l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija u mhux il-Prim Ministru.
http://www.one.com.mt/2020/01/20/justyne-caruana-tirrizenja-minn-ministru-ghal-ghawdex/