Wara taħdidiet uffiċjali mal-President Franċiż François Hollande u l-Prim Ministru Irlandiż Enda Kenny, l-impenn li jmiss għall-Prim Ministru Joseph Muscat kien f’Berlin fejn iltaqa’ mal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, bi preparazzjoni għall-Presidenza Ewropea li se tassumi Malta mill-ewwel ta’ Jannar li ġej.
Angela Merkel esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li se jkun pajjiżna li jieħu f’idejh it-tmexxija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għax, fi kliemha, Malta hija lesta li terfa’ din ir-responsabbiltà b’mod eżemplari. Il-Kanċillier Ġermaniż qalet li qed tħares ‘il quddiem għal din il-presidenza mmexxija minn pajjiż li għandu relazzjoni bilateri eċċellenti mal-Ġermanja. Fissret kif il-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta se tgħin ukoll biex il-Presidenza tpoġġi l-aktar temi importanti ta’ bħalissa fuq nett tal-aġenda.
Quddiem dan il-vot ta’ fiduċja, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li kulħadd għandu jiġġudika lil Malta fuq il-ħidma li twettaq. Malta hija kburija bix-xogħol li se tkompli tagħmel bl-aħjar mod possibbli. “Se tkun presidenza pragmatika”, qal Dr Muscat.
Dwar l-immigrazzjoni, iż-żewġ mexxejja qablu li din hija sfida li qed tevolvi ma’ kull jum li jgħaddi speċjalment bis-sitwazzjoni tat-Turkija, in-nuqqas ta’ stabbiltà fil-Libja u r-rotta tal-Mediterran. Saħqu dwar il-bżonn ta’ djalogu u qbil mal-istakeholders kollha u semmew il-ħtieġa ta’ tqassim sew tal-piż tal-immigrazzjoni.
Iż-żewġ naħat tkellmu wkoll dwar Brexit. Il-Prim Ministru Muscat fisser li Malta għandha rabtiet storiċi mar-Renju Unit, u hija favur ftehim ġust iżda li jkun inferjuri għal sħubija sħiħa mal-Unjoni Ewropea. Qal li dan huwa punt ta’ konverġenza fost is-sebgħa u għoxrin pajjiż membru. Min-naħa tagħha l-Kanċillier Ġermaniż qalet li qed tistenna Artiklu 50 jidħol fis-seħħ mhux aktar tard minn Marzu li ġej.