Il-Prim Ministru Joseph Muscat jikkummenta dwar il-fatt li pajjiżna għandu l-ikbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea u anke l-ikbar rata ta’ tkabbir fl-impjiegi.
Waqt li jinsab Lisbona għal-laqgħa importanti tal-Grupp tas-Soċjalisti Ewropej, Dr Muscat qal li pajjiżna kien diġà sejjer tajjeb, imma issa jinsab għaddej aħjar.
L-Uffċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat dalgħodu kkonferma li fit-tielet kwart ta’ din is-sena, Malta kellha l-akbar żieda fit-tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u anke dawk fiż-Żona Ewro.
Iċ-ċĊifri tal-Eurostat juru li l-Prodott Domestiku Gross f’Malta bejn Lulju u Settembru żdied bi 3.6% u laħaq 7.9% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Fi statistika oħra tal-Eurostat, ħareġ ukoll li matul l-istess perjodu Malta kellha l-akbar rata tat-tkabbir fl-impjieg fost it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Mill-istatistika joħroġ li l-impjiegi f’Malta bejn Lulju u Settembru żdiedu b’4.9 fil-mija meta mqabbel mal-istess tliet xhur tas-sena l-oħra. Din ir-rata hija aktar mid-doppju tal-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn l-impjiegi żdiedu bir-rata ta’ 1.8 fil-mija.