F’ħidma ta’ salvataġġ ma’ taqta’ xejn fl-Italja, tmien persuni nstabu ħajjin wara aktar minn 40 siegħa taħt il-borra fl-Italja tul il-jum tal-Ġimgħa. Fost dawk salvati kien hemm żewġt itfal.
Dan il-filmat juri propju l-mument li fih omm u iben ġew salvati minn ħalq il-mewt mill-ħaddiema tas-salvataġġ.
In-numru ta’ persuni li tilfu ħajjithom żdied għal erbgħa filwaqt li 20 oħra għadhom irrapportati nieqsa. Il-ħidma ta’ salvataġġ baqgħet għaddejja minkejja l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp.
Aktar kmieni: Il-valanga laqtet lukanda, l-Erbgħa, u kienet konsegwenza ta’ terremot li seħħ fl-Italja ġurnata qabel, fil-jum tat-Tlieta. Il-ħaddiema tas-salvataġġ spjegaw li jemmnu li se jsibu aktar nies midruba, minkejja li s’issa l-ebda persuna ma nstabet ħajja mill-ħamsa u għoxrin persuna nieqsa.
Il-Prim Ministru, Paolo Gentiloni talab biex il-pajjiż jingħaqad f’dan il-mument diffiċli, filwaqt li l-President tal-Kummisjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qal li l-Unjoni se tkun qed toffri l-għajnuna lil Italja hekk kif “terremot fl-Italja, huwa terremot fl-Ewropa kollha.”