Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xureb qal li l-Kamra tal-Kummerċ hija kuntenta ħafna li bosta proposti tagħha ġew inklużi mill-Gvern fil-budget għas-sena d-dieħla.
“Ma nħossux li kien hemm sorpriżi, nieħdu pjaċir nindunaw ukoll li m’hemmx taxxi ġodda fuq il-businesses”, qal il-President tal-Kamra tal-Kummerċ.
Huwa rrikonoxxa wkoll li għall-ewwel darba, il-pajjiż qed jagħmel l-ewwel passi serji lejn strutturi biex il-pajjiż inaqqas mill-carbon footprint tiegħu.
Qal li l-Kamra tal-Kummerċ tirrikonoxxi u tagħti l-appoġġ tagħha lill-Gvern għall-inizjattivi mħabbra f’dan il-qasam.
Innota li dawn il-miżuri ttieħdu meta l-pajjiż reġa’ rreġistra surplus u l-ekonomija hija pożittiva kif fi kliemu ilha għal dawn l-aħħar snin.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ wera l-apprezzament tiegħu wkoll li meta l-Gvern qed iżid l-inizjattivi biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies, parti minn dak il-piż qiegħed jintrefa wkoll mill-Gvern.