Minkejja r-rivalità kbira li teżisti bejn il-partitarji tat-tim tal-futbol tal-Belt u dawk tal-Floriana, il-Ħadd waranofsinhar l-istadium nazzojnali nfexx f’applaws kbir għaċ-ċkejken Kane Debattista li fl-aħħar xhur tfaċċatlu marda kiefra.
Il-filmat li ttella’ fuq il-midja soċjali mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football juri li Kayne flimkien ma’ missieru u ommu lebsin il-flokk tal-Floriana resqin quddiem il-partitarji Beltin li dlonk qamu bil-wieqfa u taw ċapċipa ta’ inkoraġġiment li donna ma riedet tintemm qatt lil din il-familja li bħalissa għandha salib kbir xi ġġorr fuq spallejha.
Madankollu d-determinazzjoni u tbissima ħelwa ta’ Kane jidher li serqet il-qlub ta’ kulħadd mhux l-inqas tal-partitarji Beltin li wkoll taw sehemhom biex jinġabru fondi għall-kura taċ-ċkejken Furjaniż.