F’inqas minn tmien sigħat ħames karozzi nqerdu għalkollox kawża ta’ nirien li ħakumuhom.
Kien għall-ħabta tal-15:50 tal-Ħadd waranofsinhar x’ħin il-Pulizija ġiet mgħarrfa li hemm tliet karozzi mitluqa f’bitħa jaqbdu fi Triq il-Kanun f’Santa Venera.
Minn tagħrif li kiseb ONE News minn fuq il-post, jirriżulta li għal xi raġuni, ħadet in-nar karozza tal-għamla Hyundai bil-konsegwenza li nar infirex fuq żewġ karozzi oħra tal-għamla Renault u Volvo.
Dawn it-tliet karozzi kienu pparkjati ħdejn xulxin u jidher li l-karozza li minnha bdew in-nirien ma kellhiex batterija.
Imkejjen qrib l-investigazzjonijiet qalu kif hu mifhum li l-karozzi huma propjetà ta’ dealer tal-karozzi u li ġew abbandunati f’dan l-isqaq. Mhux qed jiġi eskluż li dawn tqabbdu minn terzi persuni għax setgħu kienu ta’ ostaklu fil-post fejn kienu.
ONE News huwa nfurmat li s’issa ma jidhirx li r-raġuni wara dan il-każ seta’ kellu xi konnessjoni ma’ xi kriminalità jew frodi.
Ftit tas-sigħat wara żewġ karozzi oħra, waħda tal-għamla BMW u oħra Toyota Vitz nqerdu għal kollox fi Triq Vincenzo Maculano fil-Fgura.
In-nirien għamlu ħsarat fil-faċċata ta’ residenzi fil-qrib u f’żewġ karozzi oħra tal-għamla Peugeot 307 u Nissan March.
Sorsi qrib dan il-każ ikkonfermaw ma’ ONE News li t-Tnejn filgħodu l-Pulizija elevat xi filmati minn kameras tas-sigurtà li jinsabu fiż-żona sabiex tistabbilixxi d-dinamika tal-każ.
Fost oħrajn, il-Pulizija għad trid tistabbilixxi jekk il-karozzi qabdux weħidhom jew tqabddux minn terzi.
L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dawn iż-żewġ każijiet li m’għandhomx konnessjoni, qed jitmexxew mill-Pulizija tal-Għases tal-Ħamrun u Raħal Ġdid bil-għajnuna tal-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali.
Dwar iż-żewġ każijiet infetħu inkjesti maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Aaron Bugeja.
Intant, ONE News hu infurmat kif il-Pulizija qiegħda tinvestiga b’mod intensiv d-diversi reati li saru fl-aħħar xhur u li saru iżjed komuni tant li qed jinqerdu ammont ta’ karozzi.
Sorsi qrib il-Pulizija qalu li wħud minn dawn il-vetturi qed jitqabbdu apposta u fost ir-raġunijiet hemm dawk relatati ma’ frodi ta’ assikurazzjoni, tpattija f’każ ta’ koppji li nfirdu u anke kwistjonijiet bejn il-ġirien.