Ġlieda kbira bejn grupp kbir ta’ persuni kisret is-silenzju tal-Pjazza ta’ Buġibba dan hekk kif dawn involuti fil-ġlieda wadbu lil xulxin imwejjed, siġġijiet, tabelli u biċċiet tal-injam.
Dan seħħ ilbieraħ meta argument bejn grupp ta’ barranin żviluppa fi ġlieda kbira. Huwa mifhum li f’dan l-argument weġġgħu żewġ irġiel filwaqt li żewġ Sirjani li għandhom 25 u 41 sena rispettivament ġew arrestati. Xhieda fuq il-post qalu ma’ one.com.mt li dawk involuti fil-ġlieda dehru jiġġieldu b’dak kollu li bdew isibu.
F’dan l-argument li eskala malajr f’Buġibba saret ukoll ħsara lil għamara tar-ristoranti kif ukoll karozzi li kienu pparkjati fil-Pjazza. Fuq il-post issejħu l-membri tal-Pulizija biex tiġi kkontrollata l-ġlieda.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjoni tagħha dwar dan il-każ, biex jiġi stabbilit x’kienet ir-raġuni wara din il-ġlieda filwaqt li tidentifika lil dawk kollha li kienu involuti fiha.