Filmati: Kurt Mallia
Għaxar persuni spiċċaw l-isptar għall-kura wara li l-karozzi li kienu fihom kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq Sant Andrija Pembroke.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-04:00 tas-Sibt filgħodu. Fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei flimkien ma membri tal-Protezzjoni Ċivili.
Għal xi ħin it-triq kienet magħluqa għat-traffiku u minn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li l-impatt seħħ bejn Volkswagen Passat misjuqa minn raġel ta’ 42 sena residenti l-Isla, Fiat 500 misjuqa minn mara ta’ 21 sena residenti Swieqi, Toyota Yaris misjuqa minn raġel Taljan ta’ 33 sena u residenti Raħal Ġdid u Nissan Micra misjuqa minn mara ta’ 23 sena.
Fit-Toyota Yaris, kien hemm ukoll tfajla Taljana ta’ 17-il sena residenti l-Għargħur, tfajla oħra ta’ 17-il sena residenti San Pawl il-Baħar u ġuvni ta’ 16-il sena.
Involuti fl-inċident kien hemm ukoll ġuvni Taljan ta’ 19-il sena residenti l-Mosta, ġuvni Taljan ta 16-il sena resideni l-Għargħur u tfajla Taljan ta’ 16-il sena residenti San Ġwann li kienu passiġġiera fin-Nissan Micra.
Aktar tard, il-mara ta’ 21 sena u tfajla ta’ 16 -il sena ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi. L-irġiel ta’ 42 u 33 sena, il-mara ta’ 23 sena, it-tfajla ta’ 17-il sena u l-ġuvni ta’ 16-il sena kollha ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ħfif.
Il-ġuvintur ta’ 19-il sena u 16-il sena, u t-tfajla ta’ 17-il sena ma ndarbux.