L-istudenti ta’ Savio Collage f’Ħad Dingli ħarġu riedu li fi żminijiet ta’ festi jkunu ta’ kumpanija anke b’mod virtwali għal għexieren ta’ anzjani li jqattgħu l-Milied waħedhom.
Permezz ta’ filmat li fih kemm kant tradizzjonali tal-Milied kif ukoll qari ta’ xi stejjer, l-istudenti qed iħajru lil oħrajn biex jagħmlu bħalhom u joħolqu tbissima fuq fomm l-anzjani waħedhom. Dan imbagħad se jintwera fid-djar tal-anzjani.
Student spjegalna: “Aħna ħejjejna video bl-idea tal-Kunsill tal-Istudenti li nagħmlu video indirizzat lejn l-anzjani sabiex aħna nuruhom li huma fi ħsibijietna u f’qalbna.”
Tkellimna wkoll mas-surmast Fr Jeremy Vella, li spjega kif din l-inizjattiva kienet idea tat-tfal.
Hu qalilna: “Din is-sena ddeċidejna li l-attivitajiet tal-Milied ikunu favur dawk l-aktar li jinsabu fil-bżonn u t-tfal huma konxji tat-tbatijiet li hawn madwarna u kellna eżempju foodbank għall-Caritas. Iżda t-tieni inizjattiva kienet idea purament tat-tfal. Bdew isemmu l-istejjer tagħhom u nanniet tagħhom f’homes li ma tistax tarahom u allura ħarġu bl-idea ta’ ecards.”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia laqa’ l-inizjattiva tal-istudenti, u saħaq ukoll dwar il-ħidma tal-Gvern biex kemm jista’ jkun jelimina s-solitudni mis-soċjetà Maltija.