Il-Partit Nazzjonalista kompla bl-aġenda qarrieqa tiegħu dwar l-abort u l-ewtanażja.
Din id-darba permezz tal-mistieden regolari tiegħu Mark Sammut, li fuq in-NET qal li l-għażla li għandu l-poplu hi jekk idaħħalx il-“qtil tal-anzjani u dawk li sejjaħ ħandikappati.”
Kliem Mark Sammut jippersistu fil-gidba li adotta Simon Busuttil biex ibeżża lin-nies, f’attentat iddisprat biex jipprova jikseb ftit punti politiċi.
Il-Partit Nazzjonalista qed jippersisti fil-gideb anke jekk, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ċar fid-dikjarazzjoni tiegħu li Gvern Laburista jibqa’ reżolut kontra kull forma t’abort. Fl-istess waqt li hu kommess biex ikompli fil-mixja tal-progress b’rispett sħiħ lejn il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza.
Iżda fi kliem Mark Sammut, il-fehmiet tal-esperti u d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru mhux importanti.
Il-kummenti ta’ Sammut huma xhieda oħra tal-istrateġija makkjaveljani li adotta l-Partit Nazzjonalista biex il-fini jiġġustifikaw il-mezzi. Xhieda ta’ partit iddisprat b’mezzi li għandu kilba qawwija għall-poter.