Richard Cachia Caruana qed jerġa’ jiddetta fil-Partit Nazzjonalista bħal ma kien jagħmel sa żmien Simon Busuttil, qabel ma’ Adrian Delia laħaq Kap.
Filmati u dettalji ta’ laqgħa anki rrappurtati fil-gazzetta Kullħadd jixhdu kif in-numru wieħed tal-establishment reġa’ sab postu jmexxi t-tim ta’ strateġija tal-Partit Nazzjonalista li issa għandu lil Bernard Grech bħala Kap.
Il-filmat esklussiv ta’ ONE News juri laqgħa f’kantuniera tal-lobby ta’ lukanda ewlenija f’San Ġiljan bejn Richard Cachia Caruana u Ray Bezzina, illum fdat bit-tmexxija tal-uffiċċju ta’ Bernard Grech fid-Dar Ċentrali.
Il-laqgħa li saret nhar l-Erbgħa kienet intenzjonata biex Cachia Caruana, jagħti struzzjonijiet speċifiċi dwar kif għandha timxi t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista fiż-żmien li ġej fosthom dwar l-istil politiku li għandu jaddotta Bernard Grech.
Il-gazzetta Kullħadd irrappurtat li l-laqgħa ta’ din il-ġimgħa kienet biss waħda minn sensiela li qed isiru regolarment mindu Bernard Grech kien magħżul mill-istess establishment biex jikkontesta għat-tmun tal-Partit u eventwalment ittajjar qabel il-waqt Adrian Delia.
Uħud minn dawn il-laqgħat qed ikollhom is-sehem ta’ membri tal-għaqda Repubblika li spiss qed ikunu fid-Dar Ċentrali għal-laqgħat ta’ strateġija.
Matul il-laqgħa tal-Erbgħa, li bdiet għall-ħabta ta’ nofsinhar u damet sas-siegħa u kwart ta’ wara nofsinhar, Cachia Caruana għamel aktar minn siegħa jiddetta lil Ray Bezzina, l-eks chief of staff ta’ George Pullicino li kien involut fl-ingaġġ skandaluż fil-Wasteserv sal-aħħar jiem ta’ qabel l-elezzjoni tal-2013.
Fil-filmat Bezzina jidher ċar bilkemm ilissen kelma filwaqt li deher ħosbien u li akkost ta’ kollox kellu jissottometti ruħu u jaqbel ma’ dak li kien qed jiddetta ta’ faċċata tiegħu.
Ġurnalist ta’ ONE News, li kien fuq il-post b’mod diskret, seta’ jinnota lil Cachia Caruana spiss jiżbroffa u jgħolli leħnu ma’ Bezzina.
Fost tixjir tal-idejn u espressjonijiet ta’ rabja, Cachia Caruana jinstema’ f’ħinijiet minnhom isemmi d-diżastru li qed jaħkem fil-Partit.
Lil Bezzina, l-id il-leminija ta’ Bernard Grech, Cachia Caruana li tkellem ħafna bl-Ingliż, jgħidlu, you’re mad, b’referenza li tilef il-boxxla.
Minn ftit metri bogħod, stajna ninterpretaw tajjeb ħafna kif Cachia Caruana kien qed jagħti direzzjoni dwar kif għandu jitmexxa Bernard Grech fix-xogħol tiegħu hekk kif dan m’għandu l-ebda esperjenza politika għajr fil-kampanja kontra d-divorzju għaxar snin ilu.
Fil-laqgħa ssemmiet b’mod partikolari l-kwistjoni tal-finanzi tal-Partit u d-djun rikurrenti tiegħu li jammontaw għal miljuni kbar.
F’mumenti minnhom il-ġurnalist ta’ ONE News sema’ lil Cachia Caruana jistaqsi lil Bezzina min jew minn fejn qed iħallsuh, kif qed isiru l-ħlasijiet tal-uffiċjali tal-partit u fejn huwa l-iktar importanti li jintefqu l-flus bħalissa.
Intant fil-laqgħa ta’ din il-ġimgħa f’San Ġiljan, Cachia Caruana ordna lil Bezzina biex jgħid lil Bernard Grech isabbat iżjed saqajh kemm internament fil-partit kif ukoll fl-irwol tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Hawnhekk Cachia Caruana qal lil Ray Bezzina biex Bernard Grech ikun iżjed aggressiv u iebes.
Fil-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa li għadda ssemmiet ukoll ir-reshuffle fix-Shadow Cabinet li saret aktar minn mitt jum wara l-ħatra ta’ Bernard Grech.
Bezzina, flimkien ma’ Louis Galea, kien involut direttament fil-laqgħat mal-membri tal-grupp parlamentari, anke b’mod personali f’isem il-Kap Nazzjonalista.
Fil-fatt f’bosta mil-laqgħat mad-deputati, Ray Bezzina nnifsu beda jikkomunika mad-deputati x’portafoll ġie fdat lilhom.
Kif ġie rappurtat minn sezzjonijiet differenti tal-midja, hu magħruf kif uħud minn dawn il-laqgħat spiċċaw b’argumenti kbar u theddid wara li Stephen Spiteri u Robert Arrigo kienu se jitneħħewlhom il-portafolli ewlenin tagħhom tas-saħħa u t-turiżmu rispettivament.
Din ir-rivolta waslet biex il-pjan oriġinali tax-Shadow Cabinet ġie rtirat u Bernard Grech spiċċa biex għamel reshuffle tar-reshuffle u ħalla kollox kif kien fi żmien Adrian Delia.
Intant Cachia Caruana tkellem dwar nies li għandhom ikunu fil-lista tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss u fuq liema distretti għandhom jikkontestaw.
Richard Cachia Caruana hu magħruf li dejjem kellu l-aħħar kelma u rwol ewlieni fl-establishment.
Sal-2012 kien Rappreżentant Permanenti ta’ Malta fi Brussell taħt il-Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi u kien anki konsulent tal-eks Prim Ministru hekk kif ġieli qal hu stess fil-pubbliku li nofs il-ġimgħa kien jagħmilha fi Brussell u n-nofs l-oħra f’Malta jagħti l-pariri lil Gonzi.
Fl-2012 kien tneħħa mill-kariga uffiċjali b’mozzjoni storika Parlamentari u meta l-istess Gonzi rriżenja minn Kap tal-partit wara t-telfa tal-elezzjoni ġenerali tal-2013, Cachia Caruana baqa’ jiddetta fil-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil.
Minn Ottubru ’l hawn, mindu Bernard Grech sar Kap, Cachia Caruana u l-establishment qegħdin jerġgħu jiddettaw l-aġenda tat-tmexxija tal-Partit li reġa’ mar għall-istess stil ta’ qabel l-2017, żmien Simon Busuttil, li kien il-magħżul u l-favorit ta’ Richard Cachia Caruana.