Ħabta bejn żewġ karozzi waslet għal argument jaħraq bejn ħames persuni qrib stabbiliment tax-xiri ewlenin f’Ħal Qormi.
One.com.mt jinsab informat li l-argument inqala’ għall-ħabta tal-kwarta fi Triq l-Erba’ Qaddisin meta x-xufiera ta’ żewġ velluri allegatament naqsu milli jċedu lil xulxin ħdejn ir-roundabout li tagħti għall-Ħamrun.
Fil-ġlieda kienu involuti żewġ żgħażagħ ta’ 20 sena mill-Fgura, raġel ta’ 46 sena minn Ħal Luqa, mara ta’ 33 sena mill-Fgura u raġel ta’ 65 sena mill-Fgura.
Filmat mibgħut lil one.com.mt juri lil wieħed mill-irġiel involuti fil-ġlieda b’lembuba f’idu. Huwa jidher iħebb biha għal żagħżugħ li daħlet jistkenn taħt waħda mill-vetturi involuti fil-każ. Huwa jidher ukoll iħebb għal żagħżugħ ieħor li kien qrib ir-roundabout.
Dan kollu seħħ wara li x-xufiera waqqfu l-karozzi tagħhom f’nofs ta’ triq u ħarġu għal xulxin.
Fuq il-post marru bosta taqsimiet tal-pulizija li ferrqu lil dawk kollha involuti fil-każ. Marru wkoll żewġ ambulanzi li ħadu liż-żewġ żgħażagħ Fgurin l-isptar u lir-raġel ta’ 46 sena.
Wieħed miż-żgħażagħ ġarrab ġrieħi gravi, filwaqt li r-raġel ta’ 46 sena ġarrab ġrieħ ħfief. Il-kndizzjoni taż-żagħużugħ l-ieħr għadha mhix magħrufa.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ.
http://www.one.com.mt/2019/10/01/zewg-sewwieqa-jigu-fl-idejn-u-jispiccaw-jaghtu-bil-lembubi-fhal-qormi-2/