Waqt li skont stħarriġ tal-fehma pubblika, il-maġġoranza tal-Inglizi huma kontra brexit u qed isejħu għal referendum ieħor, l-Unjoni Ewropea qalet li fadal ħafna xogħol xi jsir fuq Brexit. Dan minkejja li kien hemm ftehim fuq abbozz ta’ ftehim mar-Renju Unit.
In-negozjatur ewlieni Michel Barnier qal li fadal triq twila quddiem iż-żewġ naħat.
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May rebħet l-appoġġ tal-kabinett tagħha iżda għandha għadma iebsa x’tomgħod biex tgħaddi l-ftehim mill-Parlament.
Barnier kien qed jitkellem il-Ħamis filgħodu flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, hekk kif ta formalment l-abbozz tal-ftehim li fih 585 paġna.
Huwa qal li l-ftehim kien ġust u bbilanċjat:
What we have agreed at negotiators level is fair and balanced, takes into account the uk’s positions, organises the withdraw in orderly fashion, and ensures no hard border on the island of ireland and lays the ground for an ambitious new partnership
Tusk faħħar ix-xogħol ta’ Barnier u qal li l-ftehim assigura l-interessi tas-sebgħa u għoxrin stat membru tal-Unjoni Ewropea:
“You have achieved our two most important objectives. First, you ensured the limitation of the damage caused by brexit and second, you secured the vital interest and principles of the 27 member states and of the european nion as a whole”.
Kull stat membru fosthom Malta se janalizza d-dokument u jagħti l-valutazzjoni tiegħu biex imbagħad tkun mifthema dikjarazzjoni politika fuq ir-rabtiet futuri sat-Tlieta li ġej.
Imbagħad il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiltaqa fil-25 ta’ Novembru sabiex ikun finalizzat il-ftehim.
Iżda jekk min-naħa tal-Unjoni Ewropea jidher li kollox ward u żahar, mhux l-istess jista’ jingħad għar-Renju Unit..
Dan hekk kif il-Prim Ministru Theresa May waslulha erba riżenji b’rabta mal-ftehim.
Dawn kienu l-Ministri Dominic Raab u Esther McVey, u s-Segretarji Parlamentari Shailesh Vara u Suella Braverman.
Fil-Parlament, May qalet li dan ma kienx il-ftehim aħħari, iżda jġib lir-Renju Unit eqreb ta’ ftehim fuq Brexit.
Iżda l-Mexxej Laburista Jeremy Corbyn qal li dan mhux il-ftehim li l-pajjiż kien imwiegħed, u l-Parlament ma jistax jaċċetta għażla falza bejn ftehim ħażin u li ma jkunx hemm ftehim.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropew Aaron Farrugia sostna li hemm żewġ toroq jekk il-Parlament Ingliż ma jaċċettax il-ftehim:
“Ma jkunx hemm Brexit, mela nibqgħu għaddejjin ninnegozzjaw anke fi żmien issa qasir ħafna għaliex nafu li Marzu wara l-bieb, min-naħa l-oħra jista’ jkun ukoll li inkomplu nimxu lejn no deal u allura diġà hemm pjan ta’ diversi pajjiżi flimkien mal-Kummissjoni Ewropea dwar kif se jilqgħu jekk ma jkunx hemm qbil, u allura jkun hemm withdrawal ta’ no deal“.