“Fl-Ewropa qegħdin l-agħar”.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza ż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, li ddeskrivihom bħala l-futur tal-politika.
Iżda għal dawn iż-żgħażagħ, Adrian Delia kellu biss messaġġ ta’ qtiegħ il-qalb u ma tkellem xejn dwar il-viżjoni tiegħu għall-pajjiz.
Ikkritika l-investiment li qed isir fil-qasam tal-edukazzjoni, fejn il-gvern qiegħed jibni skola ġdida f’Marsaskala u oħra fil-Qawra:
“F’dak li huwa edukattiv, ma rajna xejn li l-gvern jagħti l-għodod liż-żgħażagħ”.
Iżda Adrian Delia nesa jsemmi s-sistema edukattiva My Journey li se tagħti l-opportunità lil eluf ta’ studenti biex jitgħallmu u jitħarrġu f’suġġetti vokazzjonali differenti.
Bil-gvern qed jinvesti €10 miljun f’laboratorji u workshops ġodda fl-iskejjel sekondarji kollha madwar Malta u Għawdex għall-My Journey.
Tkellem dwar Vot 16. B’Adrian Delia qal liż-zgħażagħ li huma se jivvotaw fl-elezzjonijiet grazzi għall-Partit Nazzjonalista:
“Iridu naghtu krettu lill-PN, lil David Agius, li xpruna VOT 16”.
Anke jekk kien dan il-gvern li ta d-dritt tal-vot liż-żgħażagħ sabiex l-età tal-vot tinżel minn 18-il sena għal 16-il sena.
Adrian Delia kritika ukoll l-investiment li qiegħed isir fil-qasam tas-saħħa.Fil-ġimgħa li ġie inawgurat investiment ta’ miljun ewro f’tagħmir u apparat teknoloġiku f’wieħed mit-teatri tal-operazzjonijiet tal-kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei, u sistema tas-saħħa kklassifikat mal-aqwa għaxra fid-dinja, Adrian Delia qal li l-gvern mhux jinvesti fis-saħħa:
“Jarmi u jaħrab bil-miljuni flok jinvestihom fil-aqwa teknoloġija”.
Il-Kap Nazzjonalista li beża’ jitlob investigazzjoni fuqu stess b’rabta ma akkużi serji ta’ flus ġejjin mill-kriminalità, reġa’ staqsa għar-riżenji tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.
B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li d-differenza bejn Adrian Delia u l-Prim Ministru Joseph Muscat hija li Adrian Delia qed jikkwota minn rapporti fuq midja li allegatament ħarġu minn leaks ta’ investigazzjonijiet.
Sostna li l-Prim Ministru talab investigazzjonijiet fuqu stess u fuq allegazzjonijeit oħra li jinvolvu lill-Ministru Mizzi u ċ-chief of Staff tiegħu Keith Schembri.
Qal li B’differenza fuq allegazzjonijiet serji li saru fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni minn Daphne Caruana Galizia li kien jaħsel il-flus li ġejjin mill-kriminalità u minkejja diversi sejħiet, inkluż internament mill-Partit Nazzjonalista stess, Adrian Delia beża’ jitlob li jiġi investigat.
Sostna li Adrian Delia qatt ma jista’ jkun kredibbli sakemm jitlob investigazzjoni fuqu nnifsu u jaġixxi wara t-tali investigazzjoni. Illum, jekk ried jgħid xi ħaġa ġdida aktar milli jirriċikla l-istess diskors, kellu jħabbar li fl-aħħar qed jaċċetta li jiġi investigat hu stess.