Xena mhux tas-soltu, kienet dik fil-wied ta’ Marsalforn, meta niżlu jistrieħu numru ta’ ċinji li saħħru din iż-żona naturali bis-sbuħija tagħhom. Dawn iċ-ċinji huma magħrufa bħala ‘mute swans’ hekk kif huma aktar silenzjużi minn speċi ta’ ċinji oħra.
Kienu madwar tnax-il ċinju li niżlu dalgħodu għall-ħabta tal-10.00, li l-qies tagħhom huwa bejn 125 u 170 ċentimetru. Ir-rix ta’ dawk iċ-ċinji huwa mlewwen bil-kuluri oranġjo, abjad u iswed.
Għexieren ta’ nies fi żmien fejn il-maġġoranza qegħdin igawdi l-vaganzi, niżlu propju Marsalforn biex ikunu jistgħu jgawdu mis-sbuħija ta’ dawn iċ-ċinji.
Aktar kmieni l-istess ċinji dehru jittajru bejn sema u ilma fuq it-tieqa tad-Dwejra. Hu mifhum li jekk dawn iċ-ċinji jsibu x’jieklu, jqattgħu btala ta’ jumejn f’dan il-wied, li normalment ifittxu temp xitwi.
Ritratti: Nathaniel Attard Communications Manager ta’ BirdLife Malta, Michael Fava