Malli l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, ħabbar li l-Partit Laburista kiseb riżultat ieħor storiku fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, iskotaw il-preparamenti quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Minkejja li għall-ewwel deher li l-maltemp kien ser iħassar iċ-ċelebrazzjonijiet, dan ma’ qatax il-qlub ta’ bosta li kienu miġbura fil-Ħamrun.
Il-preparamenti komplew għaddijjin u x-xemx bdiet terġa’ tfeġġ; eluf bdew jinġabru quddiem iċ-ċentru biex isellmu u jkomplu jikkonfermaw is-sapport tagħhom lill-Mexxej Laburista. Dawk kollha preżenti, b’ħafna minnhom lebsin il-kuluri aħmar u abjad u jxejru l-bnadar Maltin, infexxew f’atmosfera ta’ festa, festa li ċċelebrat l-għadqa permezz ta’ riżultat storiku li kiseb għal darb’oħra l-Partit Laburista mmexxi minn Dr. Joseph Muscat.
ONE news tkellem ma’ uħud minn dawk preżenti, fejn iddiskrevew l-emozjonijiet li ħassu filwaqt li nterpretaw ir-riżultat b’mod tassew pożittiv.
“Inħossni emozjonata Prim Ministru. Ngħidlek grazzi tal-ġid li qed tagħmel”
“Din hija rebħa kbira mhux għall-Partit Laburista, imma għal Malta kollha”
“Il-Prim li jaħseb f’kulħadd: anzjani, xjuħ u f’kulħadd. Huma qatt ma ħasbu, qatt ma għenu lill-penzjonanti u lanqas lill-fqir”
“Jidher biċ-ċar illi Joseph qed jaħdem bilgħaqal u qed jolqot lil kulħadd”
“Ir-riżultat li ħareġ illum juri kemm in-nies iridu lil Joseph Muscat”
“In-nies qed jagħrfu l-ġid li qed jagħmel dan il-gvern u naħseb li qed ituh rebħa wara l-oħra għax qed jgħarfu dan il-ġid li qed iħossu humx fl-aħħar mill-aħħar fi bwiethom”
Uħud minn dawk preżenti semmew ukoll li r-rebħa li għamel il-Partit Labursista, għaliex huwa partit li dejjem poġġa lill-Malta l-ewwel u qabel kollox.
“Din ir-rebħa tfisser li Malta, li l-Maltin iħobbu lil Malta u dejjem jagħżlu lil Malta u għalhekk għażlu lil Partit Laburista”
“Aħna nies li nħobbu lill-pajjiżna, b’hekk irbaħna”
Id-distakk ta’ tminatx fil-mija bejn il-Partit Laburista u Partit Nazzjonalista, reġa’ kkonferma kif il-popolu Malti ma jridx aktar negattività. Il-Poplu Malti jrid lill-politiċi li jirrapreżentawhom jaħdmu favur Malta u mhux jiffukaw l-enerġija tagħhom biex iħamġu u jmaqdru isem Malta.
“In-new way ta’ Adrian Delia ma tantx ħadmet, ġifieri, vera ma tant kellu żmien to prove himself right, però jidher mir-riżultat illi n-nies raw l-istess tip ta’ strateġija tal-Partit Nazzjonalista”
“Adrian Delia naħseb irid idur waħda sew man-nies ta’ miegħu jew iwarrab. Ma hemmx tama oħra għalih”
“Iwarrab, iwarrab ma għandux xi jgħid”
“U naħseb il-messaġġ li jrid jibgħat lil Delia li jrid l-għaqda aktar milli l-firda”
Qabel ma l-Prim Ministru beda bil-messaġġ tiegħu, il-folla numeruża infexxet tkanta mad-diski li bdew jindaqqu fosthom tant poplari You Will Never Walk Alone u Sweet Caroline.