Bjorn Formosa li qed jaffaċċja l-kundizzjoni serja tal-ALS, ftit tal-jiem ilu ħabbar fuq is-sit soċjali facebook li kien se jagħmel operazzjoni hekk kif il-kundizzjoni tal-ALS daħlet f’fażi oħra, fażi li taffetwa l-muskoli u li kawża tagħha Bjorn ma jistax jiekol aktar.
F’filmat li poġġa llum fuq il-paġna tiegħu spjega li minkejja li l-operazzjoni marret tajjeb, in-nifs tiegħu sejjer lura ħafna u li kellu aħbarijiet negattivi. Bjorn, iż-żagħżugħ li ispira l-bosta u jservi ta’ kuraġġ għal kull wieħed u waħda minnha, qed jistenna li l-marda tisraqlu ħajtu bejn Awissu u Settembru.
Iżda minkejja dan, jibqa’ determinat li jiġbor aktar flus biex pazjenti li se jħalli warajh b’din il-kundizzjoni jkollhom tama ġdida, tama li jfiequ u joħorġu minn din il-kundizzjoni.
Minkejja li l-ALS Malta kellha pjanat li tagħmel din il-maratona ta’ ġbir lejn Mejju, issa se ssir fi Frar hekk kif saħħet Bjorn aktar ma jgħaddi żmien aktar sejjer lura.
Huwa qal li l-ħin tiegħu qed jispiċċa u għalhekk jeħtieġ li fil-jiem li ġejjin ikompli jaħdem biex pazjenti oħra tal-ALS ikollhom iċ-ċans li jsalvaw.