Tnax-il jum wara li Bjorn Formosa saritlu operazzjoni delikata, huwa stqarr li b’mod inkredibbli għadu jista’ jitkellem. Madankollu huwa stqarr li l-vuċi kienet l-inqas ħaġa problematika.
Fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, Bjorn li jbati mill-marda qerrieda tal-ALS qal li għadu l-isptar jipprova jsib bilanċ f’saħħtu. Huwa fisser l-esperjenza li għadda minnha bħala l-aktar waħda diffiċli f’ħajtu. Qal li għamel din l-0perazzjoni biex ittejjeb il-mod ta’ kif jieħu n-nifs u jkun f’qagħda li jtawwal ħajtu u jaqsam aktar mumenti ma’ martu Maria, dawk għeżież għalih u biex ikompli bil-proġett tiegħu ta’ dar ikbar ta’ DAR BJORN.
Madankollu stqarr li għad għandu problemi biex jieħu n-nifs. “Iżda miniex se naqta’ qalbi. Għandna proġett kbir quddiemna u rridu nassiguraw li dan isir realtà”, stqarr Bjorn waqt li appella lill-pubbliku biex jgħin f’din l-inizjattiva li diġà qed tgħin bosta pazjenti li jbatu b’kundizzjonijiet bħal tiegħu.