Christina Magrin kellha t-tieni prova tagħha b’rabta mal-Junior Eurovision Song Contest li se jsir f’pajjiżna nhar il-Ħadd li ġej.
Fis-sala ewlenija ta’ Dar il-Mediterran, il-kantanta ta’ tlettax-il sena kellha prova tajba u fuq il-palk uriet kunfidenza bla tarf.
Magrin li qed tirrapreżenta lil pajjiżna f’dan il-festival li għal darb’oħra qed jiġi ospitat f’Malta, kienet kostretta li għal xi ħin tkanta playback minħabba li tinsab ftit ma tiflaħx.
Madankollu l-aħħar provi li għamlet użat il-vuċi live u ħalliet impressjoni tajba fuq dawk li kienu qed isegwuha. Il-preżentazzjoni tagħha kienet ikkulurita ferm u mistennija tkun waħidha fuq il-palk wara li fl-ewwel prova tat-Tlieta li għadda kienet akkumpanjata minn żeffiena.
Christina Magrin mistennija jkollha żewġ provi ġenerali oħra qabel mal-Ħadd wara nofsinhar tirrapreżenta lil Malta bil-kanzunetta Parachute.
Ritratt: PBS