I Belong. Jiena posti hawn Malta. Din hija t-tema li biha, id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni qed tmexxi l-Programm ta’ Integrazzjoni biex aktar persuni barranin jintegraw fis-soċjetà Maltija.
Żjara li għamilna fid-Direttorat tatna togħma tajba tax-xogħol li sar f’xahrejn biss, b’mijiet ta’ barranin applikaw fi skema biex jitgħallmu l-Malti u l-mod kif jgħixu l-Maltin.
Gervais Cishahayo, uffiċjal fid-Direttorat spjegalna b’Malti tajjeb li l-programm ifassal Pjan Personali għall-Integrazzjoni.
“Dan il-pass hu importanti ħafna għax jaraw flimkien x’għandu bżonn mhux biss fil-lingwa, jew kultura ta’ Malta, imma kif ukoll x’għandu bżonn biex bil-liġi jiġi integrat fis-soċjetà Maltija”.
Il-Kap tal-Unit tal-Integrazzjoni Alex Tortell, qal li dan il-programm mhux obbligatorju għal kull barrani li jiġi jgħix Malta/ Madankollu kienu bosta li minn jeddhom applikaw għal dan il-kors.
“Min japplika għal long-term residence irid ikun preżenti għal numru ta’ programmi. Huwa fl-interess ta’ dawn il-persuni u anke għall-Maltin li jkun hemm parteċipazzjoni għax is-soċjetà taħdem aħjar”.
Is-Sur Tortell qal li minn dan il-programm qed jirbaħ kulħadd.
“Iċ-ċavetta għas-suċċess tiegħu kienet il-bżonn u l-fatt li l-applikanti saru jafu u xerrdu l-kelma li dawn huma korsijiet li kienu tailor-made. Dawn ġew imfassla skont l-integrazzjoni tal-2019. Mhux jirriflettu soċjetà antika jew valuri tal-imgħoddi imma huma strumenti biex huma u aħna flimkien nirnexxu f’Malta tal-lum u ta’ għada”.
Id-Direttur għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni, Silvan Agius qal li d-Direttorat se jaħdem biex dan il-programm ikun permanenti, biex ‘il quddiem, Malti li jitkellem ma’ barrani jkun jista’ jagħmel dan bil-lingwa Maltija.
“Dak huwa t-tip ta’ ħsieb li għandna hawnhekk, u dak huwa dak li qed nimplimentaw. Sentejn oħra l-affarijiet se jkunu differenti minn kif inhuma llum minħabba li bdejna b’persuna waħda li xtaqet pjan għall-integrazzjoni u llum mhux talli għandna dan il-pjan li qed jinħadem mal-MCAST u l-Università. Aħna qed naspiraw li dak li qed nagħmlu llum jikber u jikber sew”.