79 persuna ġew arrestati wara operazzjoni kkordinata mill-Europol b’rabta ma’ bejgħ ta’ tonn maqbud b’mod illegali f’ibħra Maltin u Taljani. Dan wara sejba ta’ eluf ta’ kg ta’ tonn maqbud illegalment.
Din l-operazzjoni msejħa Operation Tarantelo kienet immexxija mill-Gardja Ċivili Spanjola bis-sehem tal-awtoritajiet Franċiżi, Taljani, Maltin u Portugiżi fejn għamlu sejba ta’ aktar minn 80,000kg ta’ tonn maqbud b’mod illegali. Qed ikun stmat li kull sena qed jiġi ttraffikat aktar minn 2.5kg miljun. Din l-operazzjoni ġiet mħejjija meta l-Pulizija Spanjola ndunaw b’irregolaritajiet b’rabta ma’ qbid tat-tonn fil-Mediterran. L-investigaturi żvelaw kif dan il-ħut kien qed jinbiegħ b’mod illegali fi Spanja iżda beda jiġi impurtat fil-pajjiż permezz tal-portijiet Franċiżi wara li nqabdu f’ibħra Taljani u Maltin. Filwaqt li l-ħut li nqabad f’ibħra Maltin kienu importati llegalment b’użu ta’ dokumenti minn irziezet tal-ħut li huma legali u awtorizzati, l-ħut li nqabad f’ibħra Taljani waslu fi Spanja mingħajr dokumenti u mingħajr ma sarulhom spezzjonijiet.
Minkejja li l-maġġoranza tal-ħut inqabdu f’Malta u l-Italja, fl-ibħra Spanjoli kien hemm ukoll qbid mhux awtorizzat, fejn f’dan il-każ, it-tonn li nqabad b’mod illegali kien moħbi fil-qiegħ falz tal-bastiment.
Is-suq tal-qbid illegali tat-tonn tela’ għal 2.5kg miljun fis-sena fejn hu stmat li l-kriminali qed jagħmlu qliegħ ta’ madwar €5 profitt kull kg; bit-total ta’ profitt illegali jkun ta’ €12.5 miljun. Huwa stmat li l-kummerċ illegali huwa doppju ta’ dak legali. Bil-kummerċ legali ikun stmat li hu ta’ 1.25kg miljun.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ambjent spjega kif il-Gvern Malti jinsab kommess biex iwaqqaf l-illegalitajiet u jippromwovi prattiċi sostenibbli. Fl-istqarrija l-Ministeru spjega kif il-Gvern Malti qed jikkollabora mal-awtoritajiet Ewropew fl-investigazzjoni Operation Tarantelo.
Spjega kif prattiċi llegali ma jistgħux jiġu ttollerati u kull forma ta’ llegalità fl-industrija tal-qbid tal-ħut u kif ukoll fl-irziezet tat-tonn.
L-istqarrija sostniet kif id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura qed jieħu miżuri sabiex jikkontrolla l-abbużi u qed jieħu azzjoni legali mmedjata kontra dawk li jabbużaw mis-sistema. Id-Dipartiment lest li jikkopera mal-operaturi tat-tonn sabiex jipprowovi prattiċi sostenibbli.
Fi stqarrija Federazzjoni Maltija tal-Produtturi tal-Akwakultura qalet li l-Europol ma għamlet ebda referenza għat-tonn imkabbar mill-operaturi Maltin iżda li l-operazzjoni kienet b’rabta mal-qbid illegali tat-tonn f’ibħra Maltin u Taljani. Dan fid-dawl ta’ rapporti li saru fil-midja li rabtu r-rapport tal-Europol mat-tkabbir u l-bejgħ tat-tonn mill-operaturi Maltin.