Kompliet tiżviluppa s-sitwazzjoni tal-bastiment Open Arms li abbord fuqu hemm aktar minn mitt immigrant.
Ftit tas-sigħat ilu l-Ministru Taljan Matteo Salvini ta l-permess lil sebgħa u għoxrin immigrant taħt l-età abbord dan il-bastiment, sabiex jidħlu fl-Italja.
Minkejja dan madwar mitt immigrant ieħor, li l-maġġoranza tagħhom huma Afrikani, xorta waħda ser ikunu ilhom aktar minn tmintax –il ġurnata bejn sema u ilma, b’tama li jidħlu fil-gżira ta’ Lampedusa.
Iżda għalkemm il-Gvern Spanjol aċċetta li jdaħħal dawn l-immigranti fil-port ta’ Mallorca, l-għaqda mhux governattiva li tmexxi l-Open Arms, qalet li t-tul ta’ ħin sabiex il-bastiment jasal f’dan il-port Spanjol ser iħalli impatt negattiv fuq l-immigranti abbord.
L-għaqda appellat lill-awtoritajiet Spanjoli u Taljani sabiex jiġu fi qbil sabiex dan il-bastiment bl-immigranti jidħol fl-aktar port qrib u sigur.
Intant, il-midja internazzjonali rrapurtat kif diversi minn dawn l-immigranti bdew jaqbżu l-baħar bit-tama li jaslu fuq l-art, dan fid-dawl li Salvini reġgħa rrifjuta li jdaħħalhom fl-Italja.