Il-ħidma tal-awtoritajiet Maltin wasslet biex fl-aħħar xahar il-Gvern Malti bagħat lura 131 immigrant li rriżulta li kienu qed jgħixu f’Malta b’mod irregolari. Fost il-ħidma tal-awtoritajiet hemm dik tal-Pulizija tat-taqsima speċjalizzata tal-Immigrazzjoni, li saħħet bil-kbir il-preżenza tagħha fil-Marsa. f’dawn l-ispezzjonijiet il-Pulizija qed tagħrbel sew id-dokumenti ta’ persuni li jkunu qed jitlajaw fit-triq.
Fl-aħħar ġimgħat, bylaw li għadda l-kunsill lokali tal-Marsa wasslet biex naqsu bil-kbir il-persuni li kienu jitlajjaw għax-xogħol f’din il-lokalità. Xena li kienet saret komuni għal bosta li ta’ kuljum kienu jgħaddu minn Triq Aldo Moro fil-Marsa.
Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu ma’ ONE News li l-Pulizija qed tiġbor u tieħu d-Depot bejn 4 u 6 persuni kuljum li jkunu qed jitlajaw fil-Marsa. Dan wara li jivverifikawlhom id-dokumenti u jirriżultalhom li qegħdin Malta b’mod irregolari.
Fl-aħħar ġimgħat ONE News inzerta f’qagħda li jista’ jsegwi waħda minn dawn l-operazzjonijiet fil-Marsa. Maż-żerniq tfaċċaw għadd ta’ Pulizija pajżana mit-taqsima tal-immigrazzjoni flimkien ma’ Uffiċjali tal-Rapid Intervention Unit.Il-Pulizija dehru jduru ż-żona ta’ Aldo Moro u ta’ stabbiliment magħruf fl-inħawi ta’ Albert Town. Uħud mill-immigranti telqu jiġru malli raw il-Pulizija. Madankollu wħud minnhom inġabru mill-Pulizija wara li ġew spezzjonati d-dokumenti tagħhom.
F’ħin minnhom il-Pulizija lemħet ukoll immigrant rieqed barra quddiem binja abbandunata. Hawnhekk l-uffiċjali intervjenew u qajmu lir-raġel, fejn dehru jgħidulu biex imur jorqod fiċ-Ċentru Miftuħ.
Feġġet ukoll karozza li allegatament waqqfet sabiex tiġbor xi persuni għax-xogħol. L-uffiċjali tal-Pulizija għamlu ħin twil jitkellmu mas-sewwieq tal-karozza u dehru jwissuh.
ONE News mhux f’pożizzjoni jikkonferma x’passi ttieħdu fil-konfront tas-sewwieq, iżda sorsi qrib il-Pulizija qalu kif f’każi bħal dawn tingħata twissija, talli għabbew nies għax-xogħol mingħajr permess. U jista’ jagħti l-każ li jekk jerġaw jinqabdu jitressqu l-qorti.
Fis-sagħtejn li għamilna fuq il-post, il-Pulizija tal-Immigrazzjoni; komplew iwaqqfu u jiġbru n-nies b’dokumenti li ma kinux konformi mal-liġi.
ONE News jinsab informat li dawk li jinstabu b’dawn id-dokumenti qed jintbagħru lura minn fejn ġew. L-istess sorsi qalu ma’ ONE News li qed isibu persuni b’dokumenti skaduti jew foloz u oħrajn b’dokument ta’ residenza Taljana li ma jkunx validu.
Is-Sorsi ta’ ONE News żiedu jgħidu li qed issibu wkoll għadd ta’ rġiel jitlajaw għax-xogħol meta dawn ma’ jistgħux jaħdmu għax għandhom permess ta’ residenza Taljan. Flimkien ma’ oħrajn li ma għandhomx permess tax-xogħol maħruġ minn Jobsplus.
Dan innutah ukoll Iil-Prim Ministru Joseph Muscat waqt intervista fuq ONE Radio. Huwa nnota fenomenu ta’ immigrazzjoni pjuttost ġdid għal pajjiżna,fejn persuni ħafna minnhom mill-kontinent Afrikan, li ma jkunux waslu Malta bid-dgħajjes imma jaslu bid-dgħajjes fl-Italja jew f’postijiet oħra, ma jsibux xogħol hemm, u jiġu Malta b’mod leġittimu. Dawn il-persuni però ma jkollhomx id-dritt li jfittxu xogħol f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru temm jgħid “Bhalissa ghaddejjin b’ezercizzju fejn ta kuljum naraw permezz tal-awtoritajiet, li persuni li mhux suppost qedin f’pajjizna, jew li ma jistghux jahdmu, jahdmu illegalment, dawk il-persuni jintbaghtu lura.”
Segwi s-servizz għal filmati esklussivi ta’ dawn l-ispezzjonijiet li qed issiru kuljum fil-Marsa.