L’Incredibile storia dell’Isola Delle Rose
Dan huwa t-titlu tal-film Taljan li għażel lill-pajjiżna għall-ġbid tiegħu fix-xhur li għaddew ħadu sehem Elio Germano, Fabrizio Bentivoglio u Tom Wlaschiha u se jinħareġ għall-wiri fuq Netflix fid-9 ta’ Diċembru li ġej.
Il-film huwa bbażat fuq l-istorja vera ta’ inġinier li fl-1968 bena gżira 11-il kilometru ’l barra mill-Italja u ddikjaraha indipendenti, f’dik li kienet sfida diretta lill-awtorità tal-Istat Taljan. Din l-istruttura artifiċjali kienet issemmiet bħala Repubblica dell’Isola delle Rose.
Il-produzzjoni kienet iffilmjata f’postijiet madwar Malta, bix-xeni kollha fl-ilma u l-baħar miġbuda fit-tankijiet tal-ilma tal-Malta Film Studios. Il-film ibbenefika mill-inċentivi tal-cash rebates offruti mill-Kummissjoni Maltija għall-Films, bil-baġit totali f’pajjiżna jkun ta’ madwar €3 miljun.
Min-naħa tagħha l-Ministru Julia Farrugia Portelli esprimiet sodisfazzjon li kienet attirata produzzjoni oħra tal-ogħla livell lejn il-gżejjer Maltin filwaqt li żiedet tgħid li l-inċentivi offruti flimkien max-xenarju spettakolari f’nofs il-Mediterran ipoġġi lil pajjiżna fil-quċċata tal-lista għal diversi produtturi.
Hi sostniet li Malta ser tkompli bil-ħidma tagħha biex tattira aktar produzzjonijiet din is-sena u qalet li tħares ’il quddiem li tara lil dan is-settur ikompli jirkupra u jikber
Dan filwaqt li l-Kummissarju għall-Films Johann Grech saħaq li jinsab kuntent li Malta ospitat l-ewwel produzzjoni internazzjonali ta’ Netflix fil-Malta Film Studios. Hu sostna li qed naraw il-frott ta’ ħidma għaqlija li qed titwettaq u tenna li se jkomplu jaħdmu sabiex jattiraw aktar produzzjonijiet ta’ livell għoli bħal dan.