Il-vjolenza domestika kienet u għadha pjaga moħbija fis-soċjetà f’kull tarf tad-dinjam fejn sfortunament persuni jgħaddu minnha fil-kwiet ta’ darhom stess, u t-trawma li jġorru fuq spallejhom żgur li ma tagħmillomx ħajjithom faċli.
Fuq dan is-suġġett crew ta’ ONE News iltaqa’ ma’ Denilson Brincat, gradwat fil-baċċellerat tal-midja u qalilna li minn poeżija oriġinali tiegħu li titkellem dwar l-effetti li tħalli l-vjolenza domestika kemm mentalment, emozzjonalment u fiżikament, huwa rnexxilu joħloq film qasir bl-isem ta’ “Uloid – Like A Scar”.
Denilson, b’dieqa f’leħnu tenna kemm persuna tista’ tbati f’sitwazzjonijiet koroh ta’ vjolenza u b’hekk l-għan ewlieni ta’ dan il-film qasir huwa li jqajjem ftit iktar kuxjenza dwar dan kollu u jgħaddi messaġġ li ħadd m’għandu jimxi din it-triq diffiċli waħdu.
“F’film wieħed, b’hekk nuru din it-trawma, minn xiex tista’ tgħaddi persuna u kif ukoll forsi nuru iktar awareness fuq din it-tema li sfortunatament m’aħniex natu kas daqsekk minħabba l-affarijiet li qed jiġru madwarna.”
F’dan il-film tidher persuna li qed tbati mill-vjolenza domestika, u tipprova taħbi dak li tħoss.
Denilson kompla jispjega li minn poeżija, bi ftit immaġinazzjoni irnexxielu joħloq il-mużika.
“Bażikament il-poeżija bdiet billi bdejt nikteb b’dak kollu li beda jiġini f’moħħi. Għamilt il-mużika fil-background u bdejt nikteb u nikteb imbagħad għedt din tirrelata ħafna mal-vjolenza domestika, x’nista’ nagħmel? Bdejt qisni nara l-platforms differenti li nista noħloq, ġietni idea nagħmel music video jew poeżija biss imma għidt short film jolqot iktar lin-nies bil-messaġġ li nixtieq nati.”
Fl-aħħar, huwa ħeġġeġ lill-vittmi sabiex jirrikorru għall-għajnuna u appella biex kulħadd jieħu ħsieb xulxin għaliex hawn nies li qed isofru fis-silenzju fid-djar tagħhom.
“Għal dawk in-nies li qed jgħaddu minn sfortunatament trawma, ma jibżgħux biex jitkellmu, hawn ħafna għajnuna llum il-ġurnata li qed tiġi offruta, għalhekk ngħidilkom tibżgħux u jekk tafu lil xi ħadd li qed jgħaddi minn din is-sitwazzjoni għinuhom kemm tistgħu.”