Serbut twil ta’ nies u teatru mimli daqs bajda f’Toronto, il-Kanada jistenna sabiex jara l-film Malti “Hemm Dar il-Qala”.
Dan huwa l-ewwel film Malti tal-ġeneru ta’ drama tal-waħx ta’ din ix-xorta li pparteċipa f’festival prestiġjuż bl-isem ta’ tal-Festival tal-Films tal-Unjoni Ewropea f’Toronto.
Din kienet il-ħmistax -il edizzjoni u r-raba’ sena li pajjiżna pparteċipa f’dan il-festival li sar f’Novembru li għadda. B’kollox intwerew mat-tmienja u għoxrin film minn pajjiżi Ewropej ġewwa “The Royal Theatre” li jinsab fil-qalba ta’ Toronto.
Dan l-istazzjon ltaqa’ ma’ wieħed mill-aktar diretturi u produttur rinomat tal-films f’pajjiżna Mark Doneo li kiteb, idderieġa u pproduċa dan il-film, b’Lawrence Buontempo, Louise Doneo u Mark Doneo stess bħala l-atturi prinċipali.
“Għalija xi ħaġa li taffaxinani ħafna li nżomm il-lingwa tiegħi tibqa’ ddur siegħa f’dijaspora tagħna fejn hemm Maltin hemm barra u siegħa f’postijiet fejn m’hemmx Maltin nuru lil barranin il-kultura u l-lingwa tagħna li jiena kburi u happy ħafna biha.” Stqarr Mark Doneo, id-Direttur tal-film.
Doneo semma wkoll l-ħidma u l-għajnuna minn diversi entitajiet bħal fond Malti tal-Films, il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kummissjoni Maltija tal-Films.
“Jekk ħa tippreżenta xogħlok b’mod internazzjonali trid turi ċertu professjonalità. Importanti dik, mingħajrha sfortunatament kollox jibqa’ jsir, il-ħajja tibqa’ għaddejja pero biex jintlaħaq ċertu livell bilfors trid intervent finanzjarju.” Kompla jgħid Doneo.
Il-film ntlaqa’ tajjeb minn fost dawk li li rawh, inkluż diversi bosta Maltin-Kanadiżi li jgħixu f’Toronto. Uħud minnhom saħansitra saqu u qabdu ajruplan minn żoni mbiegħda fil-Kanada speċifikament biex jaraw dan il-film Malti.
Il-Konslu Ġenerali ta’ Malta għall-Kanada, Dr Raymond Xerri ntroduċa dan il-film lill-udjenza fejn sostna li din hija ċelebrazzjoni tal-kultura u l-arti Maltija f’belt illi tiżboq lill-Amerika fejn tidħol l-arti.
“Mill-kummenti tan-nies tara l-apprezzament l-ewwel ħaġa li l-gvern Malti għen biex xi ħaġa bħal din issir kif ukoll kumpanija bħal ta’ Mark Doneo li pproduċiet film ta’ dik il-kwalita’ u jimpurtaha illi turih id-dijasporu tagħna.” Ikkonkluda l-Konslu Malti, Raymond Xerri.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela tenna li f’dawn l-aħħar snin l-industrija tal-films f’pajjiżna qed timraħ u l-livell u l-professjonalità li qed juru l-prodotturi Maltin qed tħabbatha bis-serjetà ma’ ta’ barra.
Abela tenna wkoll li għandna nkunu kreattivi fil-mod li bih nippreżentaw il-produzzjonijiet tagħna.
Huwa awgura li l-film ta’ siegħa u kwart ta’ Mark Doneo jkompli jintlaqa’ b’mod tajjeb hekk kif issa mistenni jintwera f’Vancouver, belt ieħor kbira fil-Kanada.