Id-dinja tal-films, jew aħjar il-wiri ta’ xi blockbuster fuq il-liżar taċ-ċinema, tinsab f’salib it-toroq. Fejn jaqblilha tinvesti: fis-settur tal-pjattaforma diġitali jigifieri fis-servizzi ta’ streaming digitali jew jinħarġu films għat-teatri?
Kif se jirriżulta li mar is-suq tal-films fit-teatri u fil-box office fil-weekend li għadda – li matulu, minħabba li t-Tnejn hija l-festa tal-Indipendenza fl-Istati Uniti, hi tradizzjoni f’dak il-pajjiż li wieħed imur jara film fit-teatru – jista’ jiddetermina il-ġejjieni tas-swali ta-ċinema Amerikani u ,s’intendi, madwar id-dinja.
Din hija t-tielet d-darba li s-sidien tas-swali taċ-ċinema qed jaffaċċjaw kriżi. Fi snin 50 kellek it-televiżjoni, fis-snin tmenin u disgħin, il-vidjos u d-dvds ukoll ħallew l-effett tagħhom fuq dan is-settur u issa l-isfida qed tkompli bl-istreaming diġitali bħan-Netflix, l-Amazon, l-Apple Plus u d-Disney Plus fost oħrajn.
Kull darba rebħu is-sidien taċ-ċinema billi l-produtturi ġegħluhom jagħmlu films spettakolari li jitobu li jintwerew fuq l-iscreen il-kbir.
Mal-analista tal-films, Mario Azzopardi tkellimna dwar dan l-aspett.
“In-nies l-aktar li jħobbu jaraw huma films illi trid tarahom fuq screen kbir, trid tisma sawnd b’saħħtu u allura għal dan il-weekend ħallew dan it-tip ta’ films. Dawn huma films li l-udjenza wkoll taf x’sejra tara għax huma kollha sequels, fil-fatt anke aktar tard din il-ġimgħa ħiereġ “Thor, Love and Thunder” li huwa r-raba film dwar Thor, barra li huwa film dwar is-super eroj tal-Marvel. Din hija l-istrateġija, mhix ġdida, l-istorja qed terġa tirrepeti ruħha, filwaqt illi fuq l-istreaming services, billi int għandek screen ferm iżgħar minn taċ-ċinema, hemm films li huma tajbin bħal Mrs Harris goes to Paris u Persuasion, imma meta joħorġu fic-cinema mhumiex films li jiġbdu udjenzi kbar”