Anzjana ta’ 79 sena ħadet il-qatgħa ta’ ħajjitha.
Kien il-17:15 tal-bieraħ wara nofsinhar meta kienet qiegħda tfittex iċ-ċavetta minn ġol-basket, fi Vjal De La Cruz, Ħal Qormi.
Ħabta u sabta, raġel mgħammad u liebes l-iswed resaq lejha u ħatfilha ġiżrana minn għonqha. Il-Pulizija ikkonfermat ma’ dan is-sit li l-anzjana tant inħasdet li ma felħitx tipprovdi ċertu dettalji.
Qraba tal-anzjana esprimew it-tħassib tagħhom fuq Facebook.
Is-Sindku ta’ Ħal Qormi Rosianne Cutajar esprimiet solidarjetà mal-anzjana u qalet li mhux l-ewwel darba li ġrat din is-sitwazzjoni sfortunata. Żiedet tgħid “Episodju bħal dan ikompli jikkonferna l-bżonn li jkollna aktar Pulizija fit-toroq tagħna sabiex iċ-ċittadini jkollhom aktar sigurtà u serħan-il moħħ. Fl-istes ħin ikun skoraġġat min għandu għanijiet ħżiena.”
Dwar il-każ qed jinvestigaw kemm il-Pulizija tad-distrett u anke s-CID.