Meta kien ċkejken kien jitwi l-karti biex joħloq tajra, iżda ta’ dsatax-il sena, sa fl-aħħar qed jistudja u jħejji ruħu biex jibda jtajjar ajruplani reali, kif dejjem kienet il-ħolma tiegħu.
Ma’ ONE News, Justin Camilleri spjega li kien hemm żmien fejn kien jemmen li din se tibqa’ biss ħolma, għaliex it-taħriġ u l-istudju f’dan il-qasam jirrikjedu flejjes kbar.
Huwa spjegalna: “Kelli problema ovvjament finanzjarjament. Niġi minn middle class family u ma stajtx. Grazzi għall-BOV Studies plus loan jiġifieri stajt nieħu dan il-loan ta’ bejn sittin u tmenin elf fil-każ tiegħi għall-kors ta’ pilota li rnexxieli nibda l-kors biex inkun nista’ nsir pilota.”
Justin fisser kemm hija importanti għalih din il-karriera tant li meta kien ippreżentat l-opportunità, ħatafha u saħansitra telaq mill-kors tal-infermiera fl-Università.
Hu tenna: “Għalija tfisser ħafna għax ovvjament, aħna ngħidulha pilot’s blood. Minn mindu tkun żgħir tħoss li hemm atteġġjament għal xi karriera f’ħajtek u jiena fil-każ tiegħi kienet ta’ pilota. Minn dejjem xtaqt insir pilota, qabel kont fil-kors tal-nursing ukoll u ovvjament jien kif indunajt li ħa joħroġ il-grant, jien tlaqt u mort għall-kors ta’ pilota, dak li dejjem xtaqt nagħmel f’ħajti.”
Justin sostna wkoll li dan il-kors huwa wieħed intensiv imma ta’ sodisfazzjon kbir. Huwa qal: “Meta inti qed tmur fl-iskola tal-piloti, għandek kors li huwa intensiv imma fl-aħħar mill-aħħar itik sodisfazzjon fenomenali. Iva ħa jkollok diffikultajiet, speċjalment meta tkun qed ittir ikollok it-temp li huwa biċċa kbira mill-kors tal-pilota għaliex inti trid tagħmel il-flights u kollox u t-temp jaffettwa ħafna.”
Minkejja dan kollu, Justin temm jgħidilna li ftit li xejn taħkmu l-biża’ hu u jirranka biex itir għaliex il-ġibda tal-ajruplan ittellgħu fis-seba’ sema.