Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, żar ix-xogħlijiet li qed isiru fiċ-Ċentru tal-Innovazzjoni Diġitali, li se jkun qed jiġi inawgurat sal-aħħar ta’ din is-sena, akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv, tal-MDIA, Kenneth Brincat, u Bernard Montebello, il-Kap tal-istess ċentru, li se jkun jismu DiHubMT.
L-għan ta’ dan iċ-ċentru, li se jkun ibbażat f’faċilità ta’ 550 metru kwadru fil-binja tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, l-MDIA, hu li jinħoloq spazju għal startups u scale-ups fejn isibu kull m’għandhom bżonn fil-vjaġġ tagħhom.
Fil-fatt, din il-faċilità se tkun mgħammra b’teknoloġiji avvanzati biex jgħinu lill-kumpaniji f’pajjiżna jiżviluppaw prodotti vijabbli.
Fost dawn hemm l-ispazju fejn jistgħu joħolqu innovazzjonijiet, bl-aċċess ta’ expertise relevanti u għodda tant bżonnjuża, bħal High Performance Computer, li permezz tiegħu r-riċerka issir f’perjodu ferm iqsar.
Il-Kap ta’ DiHubMT, Bernard Montebello, spjega dak li se jkun qed jiġi offrut minn dan iċ-ċentru tal-ewwel xorta tiegħu.
“Mela aħna għandna numru ta’ servizzi. Dawn jistgħu jinsabu wkoll fil-katalgu ta’ servizzi fuq dihubmt.eu. Fost dawn is-servizzi, pereżempju, noffru aċċess għat-teknoloġija fejn għandna high tech workshop magħmul minn numru ta’ teknoloġiji, fosthom 3D printing, IOT lab u anke design lab fejn dawn, pereżempju, jistgħu jagħmlu l-minimum viable product tagħhom. Ħa jkollna wkoll podcast room.”
Illum il-ġurnata studenti jew kumpaniji, li jkollhom bżonn jagħmlu użu minn High Performance Computer, qed ikollhom imorru barra minn Malta bi spejjeż konsiderevoli.
Hekk kif jibda jopera dan l-apparat, li mistenni jasal f’pajjiżna s-sena d-dieħla, mhux biss se tkun żdiedet l-attrazzjoni ta’ pajjiżna għall-investimenti ta’ kwalità, iżda se jonqsu wkoll l-ispejjeż u l-iskariġġi għar-riċerkaturi u l-kumpaniji lokali.
Iċ-ċentru hu parti minn network Ewropew, li jimmira biex imexxi t-tkabbir ekonomiku permezz tat-trasformazzjoni diġitali, u se jkun ħolqa oħra fl-inizjattivi minn entitajiet governattivi, fosthom l-MDIA, Gaming Malta u l-Malta Enterprise, biex jiġi attirat aktar investiment ta’ kwalità li jrendi pagi tajbin bl-inqas impatt ambjentali possibbli.