Il-Qorti dalgħodu fetħet b’urġenza wara li surġent tal-pulizija ta’ 37 sena mis-Siġġiewi li ismu ma jistax jixxandar, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella wieġeb ħati, li fis-17 ta’ Lulju fi Triq il-Wied f’Birkirkara, ikkaġuna ġrieħi gravi lil tifel ta’ 14-il sena.
Fost l-akkużi li ġie mixli bihom hemm li l-imputat ħebb, hedded u kkawża biża’ fuq it-tifel fost oħrajn. Dawn ir-reati kienu aggravati bil-fatt li huwa uffiċjal pubbliku.
L-ispettur Jessica Bezzina spjegat lill-Qorti li meta ġara l-allegat każ, is-surġent kien ta’ bil-lejl u stenna li jibda x-shift ta’ wara, biex minn jeddu rrapporta lis-Supretendent, b’dak li ġara, fl-allegat reat.
L-avukat tad-difiża Alfred Abela talab għall-ħelsien mill-arrest u divjett fuq l-ismijiet kemm tal-akkużat u kemm tal-vittma. Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għall-dan.
Fl-aħħar nett, il-Qorti ordnat li l-kawża tkun diferita għat-30 ta’ Lulju li ġej fejn għandhom jitressqu il-provi tad-danni kkawżati filwaqt li talbet lill-akkużat iħallas garanzija personali ta’ €7,000 u depositu ta’ €500.
Il-Qorti, dwar il-protezzjoni fil-konfront tal-imputat u għall-benefiċċju tal-vittma, laqgħet it-talba għall-divjett fuq l-ismijiet.
L-imputat kien ordnat li jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa f’għassa partikulari.