Godfrey Leone Ganado instab ħati fil-Qorti talli ppubblika kliem ta’ tixwix u mibgħeda fil-konfront tal-Mexxej attwali tal-Partit Laburista, il-predeċessur tiegħu u kull min jappartjeni għal dan il-partit. Dan wara li l-Avukat Daniel Attard għamel kwerela fil-konfront tiegħu għand il-Kummissarju tal-Pulizija.
Mistoqsi hux se jwieġeb ħati jew le mill-Maġistrat Jean Paul Grech, Leone Ganado qal “minn hawn u ħames minuti oħra se nispiċċa fuq ONE” bil-Maġistrat jgħidlu li hu staqsa iva jew le u xejn aktar.
Fid-dawl tal-kumment li kien kiteb Leone Ganado taħt post li tella’ fuq Facebook Robert Aquilina, l-Avukat u kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Daniel Attard assistit mill-Avukat Ishmael Psaila, li wkoll kienu preżenti fl-Awla, kien talab lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex minnufih jinvestiga u jipprosekwixxi lil Leone Ganado. Dan għaliex id-dritt tal-espressjoni ħielsa ma jagħtix lil dak li jkun is-setgħa li jxerred it-tixwix u l-mibgħeda.
Godfrey Leone Ganado, li hu qrib ħafna tal-establishment Nazzjonalista, magħruf sew għal kummenti bħal dawn li jxerrdu l-mibegħda u t-tixwix.
Permezz tal-Avukat tiegħu Kris Busietta, Leone Ganado qal li mhux se jkompli jikteb kummenti aktar fuq facebook “biex ma niġix miżinterpretat.”
Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat tah il-libertà kundizzjonata u li ma jagħmilx reat ieħor għal disa’ xhur u jekk jagħmel reat jerġa’ jinfetaħ il-każ. Huwa ngħata wkoll multa ta’ 250 ewro.