“Ħajti spiċċat.”
Hekk qal il-Kappillan ta’ Marsaxlokk, Luke Seguna, meta dalgħodu għaddejja l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Dun Seguna, li qed jiġi akkużat li ffroda madwar €500,000 mogħtija lilu minn 150 parruċċan; akkużi li hu qed jiċħad kategorikament.
Fil-bidu tas-seduta tal-lum, id-difiża talbet ukoll li ċerti xhieda jinstemgħu bil-magħluq. Din it-talba ma qabilx magħha l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li qal li l-prinċipju tal-ġustizzja m’għandux jillimita r-rappurtaġġ tal-ġurnalisti.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, ċaħdet it-talba biex dan il-każ jinstema’ fil-magħluq. Ċaħdet ukoll it-talba biex ix-xhieda jagħtu t-testimonjanza tagħhom permezz ta’ kollegamenti bil-vidjow.
Fil-Qorti, l-avukat Stefano Filletti, li qed jirrappreżenta lill-Kurja Arċivesovili bħala parte civile, talab biex il-Kurja tidħol parti mill-kawża għax sfat vittma tal-allegati azzjonijiet. Id-difiża oġġezzjonat għal din it-talba li, iżda, intlaqgħet mill-Qorti.
Min-naħa tiegħu, l-avukat tal-akkużat qal li l-flus li ngħataw mill-parruċċani ma kinux intiżi għall-Arċisqof u jekk żammhomx għandu jew tahomx donazzjoni mhux se tkun qed taffettwa lill-Knisja.
Fuq il-pedana tax-xhieda, tela’ s-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja, Michael Pace Ross, li spjega li Dun Seguna ilu Kappillan ta’ Marsaxlokk mill-2016, u qabel kien serva fil-parroċċi ta’ Ħaż-Żabbar, taż-Żejtun, u tar-Rabat.
Pace Ross xehed ukoll li d-donazzjonijiet għall-quddies jitpoġġew fil-kont bankarju tal-parroċċa, u mhux f’xi kont personali.
Huwa żied jgħid li Kappillan għandu permess li jagħmel sejħa għad-donazzjonijiet għal xi proġett, iżda dan irid ikollu l-permess tal-Arċisqof.
Qal ukoll li hu mhux f’pożizzjoni li jgħid jekk Dun Seguna kellux xi proġetti mingħajr il-permess tal-Kurja.
Ix-xhud qal ukoll li, fl-2016, Dun Seguna ngħata self ta’ €10,000 biex ikun jista jixti karozza; ammont li kien ħallsu lura. Huwa żied jgħid li, fl-2021, Dun Seguna ngħata wkoll self biex jixtri garaxx f’Raħal Ġdid, liema self għadu qed jiġi mħallas.
Mal-aħbar li l-Kappillan kien tressaq il-Qorti, il-Kurja ħarġet stqarrija li fiha qalet li s-saċerdot kien tpoġġa fuq administrative leave b’effett immedjat sakemm jibqgħu għaddejjin il-proċeduri.
Fis-seduta tal-lum xehdu wkoll rappreżentanti minn banek differenti fosthom l-APS, l-HSBC, u l-Bank of Valletta, li ppreżentaw fil-Qorti dokumenti tal-kontijiet bankarji ta’ Dun Luke Seguna.
Wara, kien imiss li jieħdu l-ġurament tax-xhieda bosta nies ċivili. L-ewwel wieħed kien Darren Desira, sid ta’ kumpanija tal-kostruzzjoni, li ddeskriva lis-saċerdot bħala persuna li għamlet ħafna ġid f’Marsaxlokk.
Huwa qal li, qabel faqqgħet il-Covid-19, ta żewġ donazzjonijet lil Seguna u la talab irċevuta u lanqas staqsa x’kien se jagħmel bihom.
Warajh xehed ħuh, Mario Desira, li wkoll qal li Dun Seguna għen lil ħafna nies fil-bżonn u tenna li hu lanqas qatt ma staqsa għal xiex kienu se jintużaw il-flus.
Warajhom xehdu numru ta’ parruċċani, li qalu li taw donazzjonijiet għal xogħlijiet li qed isiru fil-knisja ta’ Marsaxlokk.
Bħalissa s-seduta bħalissa hija sospiża għal waqfa żgħira u tissokta minn hawn u ftit ħin ieħor.
Is-seduta kompliet bix-xhieda ta’ numru ta’ parruċċani, fosthom sajjieda u pensjonanti, li sostnew li Dun Seguna qatt ma għamel xejn ħażin f’għajnejhom u li jafdawħ 200 fil-mija.
Wieħed minn dawn ix-xhieda stqarr li hu ma javfax lill-Kurja, iżda jafda lil Dun Seguna.