Kmieni waranofsinhar tressaq fil-Qorti Andrew Attard ta’ tmienja u erbgħin sena mill-Ħamrun, ġie mixli li, flimkien ma’ persuni oħrajn, aggredew lil Noel Mifsud Bonnici, sekondo-kuġin ta’ Bernard Grech, waqt li l-Kap Nazzjonalista ma tħalliex jidħol fil-każin tal-Partit tiegħu stess. Jirriżulta lil ONE News li l-akkużat jiġi proprju ħu l-barman li ċaħħad lill-Kap Nazzjonalista.
Fil-Qorti nstema’ kif l-attakk vjolenti seħħ il-Ħadd 13 ta’ Awwissu, fil-ħin tal-marċ ta’ San Gejtanu, waqt li Mifsud Bonnici, li kien qed jakkumpanja lil Bernard Grech, wieġeb lill-barman tal-Każin Nazzonalista li l-Kap kellu dritt ikun hemm ġew.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-Pulizija rċeviet rapport mingħand il-vittma stess, li rrapporta li kien ġie aggredit minn xi persuni fil-każin tal-Partit Nazzjonalista.
Il-vittma, li kien jeħtieġlu jiġi operat fl-Isptar Mater Dei kawża tad-daqqiet li qala’, kien identifika lil Andrew Attard, li flimkien ma’ persuna oħra kienu allegatament aggredewh b’mod vjolenti fil-każin immexxi minn Manuel Attard.
ONE News kien irrapporta b’mod esklussiv il-każ fejn Mifsud Bonnici tħalla waħdu jaqla’ d-daqqiet, inkluż waqt li kien midrub fl-art, waqt li Bernard Grech li kien hemm fuq il-post dabbar rasu u qasam għan-naħa l-oħra tat-triq biex ikompli jieħu r-ritratti u jidħol fil-Każin tal-Banda San Ġużepp fejn qagħad ixejjer mill-gallarija lill-folla li kienet qed tiċċelebra l-festa.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li wara li nħareġ mandat ta’ arrest kontra Andrew Attard, dan ġie arrestat waqt li kien qiegħed jiffirma fl-għassa dwar każ preċedenti.
Attard wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest.
Din it-talba, iżda ma ġietx milqugħa mill-Prosekuzzjoni u mill-parte civile, minħabba li Attard kien diġà ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor u anke minħabba li għad iridu jixhdu persuni oħrajn li raw il-vjolenza sseħħ, iżda li ma jafux min kienu l-allegati aggressuri.
Min-naħa l-oħra, id-difiża argumentat li l-fedina penali tal-akkużat m’għandhiex titqies għall-fini ta’ dan il-każ u ddeskrivietu bħala affidabbli, tant li membri tal-familja tiegħu kienu lesti jidħlu bħala garanzija għalih.
Il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll li fir-rapport li għamel il-vittma, ftit wara l-allegat argument, hu kien identifika lill-aggressuri tiegħu bħala kickboxers.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ma laqgħetx it-talba għal ħelsien mill-arrest minħabba li għad irid jixhed il-vittma kif ukoll diversi persuni oħrajn.
Minkejja dan, il-Qorti qalet biex il-Prosekuzzjoni tressaq ix-xhieda kemm jista’ jkun malajr biex kwalunkwe riskju ta’ intralċ ta’ provi jiġi skansat.
Wara silenzju sħiħ fuq il-każ, il-Partit Nazzjonalista kien ħareġ stqarrija wara ħamest ijiem fejn qal li laqqa’ l-Kunsill Ammistrattiv u ddeċieda li l-Każin Nazzjonalista fil-Ħamrun għandu jinżamm magħluq b’mod temporanju.
Minkejja dan, il-gazzetta KullĦadd żvelat li l-każin kien diġà magħluq minn xi jiem qabel ħarġet id-deċiżjoni mid-Dar Ċentrali u dan sempliċiment għax il-barman Manuel Attard kien telaq fuq vaganza fit-tul mal-familja tiegħu, xi ħaġa li aktarx kienet ilha ppjanata.
Mistoqsi dwar il-każ, f’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali fl-aħħar jiem, id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-każ hu biss spin tal-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE. Dan anke jekk il-midja kollha fil-pajjiż irrapportat dwaru, ħlief dik tal-Partit Nazzjonalista stess.
Qal, “Jiena miniex se nkun parteċipi mal-ispin li intom għaddejjin biha, kif għedt inti issa li ilha ġimagħtejn u fuqhom.”
Ritratt: Talk.mt