Fil-Qorti ssokta l-ġuri ta’ Joseph Scicluna li hu mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ Mark Farrugia ta’ 43 sena filwaqt li sar ukoll l-aċċess li kien preżenti għalih ukoll il-vittma.
Il-każ seħħ fil-limiti ta’ San Ġakbu f’Ħad-Dingli f’Ottubru tal-2018, fejn dakinhar, Mark Farrugia spiċċa fil-periklu tal-mewt wara li allegatament intlaqat minn tir t’arma tan-nar.
Il-ġurati, quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, raw il-filmati tal-istqarrijiet li kien ta Joseph Scicluna fid-Depot tal-Pulizija, fejn fihom, l-akkużat stqarr li ma marx l-għalqa u fil-ħin tal-isparatura huwa ma kienx preżenti iżda kien id-dar mal-mara wara li mar jixtri l-ħobż u l-ħalib. Meta Scicluna kien mistoqsi dwar il-feriti li sofra, hu saħaq lill-Pulizija li kien daħal f’siġra tal-lumi u li girfitlu moħħu l-qattusa.
Waqt li tela’ jixhed, il-vittma Mark Farrugia sostna li fil-jum tal-31 t’Ottubru għall-ħabta tal-5:30 ta’ filgħodu, mar f’għalqa ftit il-fuq għall-kaċċa fejn kien hawn li ra lil Joseph Scicluna li kellu marloġġ f’idejh.
Wara li l-irġiel tkellmu u Scicluna ntebaħ b’missier il-vittma, u b’subgħajh ippuntalu f’direzzjoni ta’ siġra tal-ġellewż, Scicluna allegatament fajjar lill-vittma daqqa ta’ marloġġ. Il-vittma tah daqqa biex jiddefendi ruħu. L-aggressjoni skalat tant li l-akkużat qabad senter, ippuntah lejn il-vittma, u sparalu. Hu mifhum li wara l-isparatura, l-akkużat ħarab mill-post u l-vittma prova jimxi fiż-żona fejn kien hemm missieru, fejn imbagħad talbu biex jieħdu ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta fejn mal-wasla tagħhom, l-infermiera “ġġennu” u ċemplu għal ambulanza.
Farrugia spjega li hu ntlaqat minn 200 biċċa ċomb, u 17 oħra f’wiċċu. B’konsegwenza ta’ dan, hu spjega li llum hu qed isofri minn ċertu diżabilitajiet, fosthom bl-għadam t’idu mfarrak, ksur f’siequ, u wara ċertu ħin, jgħejja jitkellem. Hu żied li llum il-ġurnata, ix-xemx tixxottalu għajnejh u għaldaqstant ikollu jilbes nuċċali tax-xemx għall-maġġoranza tal-ħin.
Fl-awla, Farruggia ddikjara li l-isparatura laqtitu f’bosta partijiet ta’ ġismu, fosthom f’wiċċu, f’idu, f’żaqqu, u f’siequ. Hu żied jgħid li f’idu kellu 200 biċċa taċ-ċomb u 17 oħra f’wiċċu, u intant, lill-ġurati urihom l-marka li ħalla t-tir f’idejh u permezz ta’ ritratt, raw il-marka tal-ferita li kellu viċin qalbu.
Farrugia semma wkoll li f’April tal-2018, hu kien tela’ l-Qorti jixhed kontra Scicluna fuq ġiebja iżda r-relazzjoni tagħhom kienet waħda “normalissima”.
Fil-Qorti, Farrugia kompla jispjega li dam l-isptar xahar, u minkejja li ħareġ mill-isptar, huwa ma setax jimxi u għamel madwar tliet xhur b’idu mgħollija minħabba ċ-ċirkolazzjoni tad-demm.