“Bdejt nagħtiha fuq wiċċha biex ma torqodx u ngħajjat għall-għajnuna. Bdejt nittama li ma tmutx f’idi.” Kliem żagħżugħ li kien assista mara Kolumbjana, li spiċċat tiġġieled għal ħajjitha wara daqqiet li sofriet f’aggressjoni fuq ix-xatt f’Paceville, fejn kienet qed tgħum.
L-informazzjoni ħarġet hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Fabian Medina Paira, li jinsab akkużat li kkaġuna l-feriti lill-Kolombjana ta’ 25 sena residenti Tas-Sliemali nhar is-7 ta’ Awwissu li għadda fuq il-blat viċin Triq il-Wilġa, San Ġiljan.
Medina Paira qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fix-xhieda tiegħu, iż-żagħżugħ qal li kien qiegħed jgħum mal-vittma dakinhar tal-każ fejn innotaw raġel, li aktar tard ġie identifikat bħala l-akkużat, li kien qed jaġixxi b’mod stramb.
Hu qal li pprovaw iwaqqfu lir-raġel meta resaq lejn l-oġġetti tagħhom, iżda dan imbotta lill-mara u qabeż fuqha. Kien hawn li, waqt li kien sejjer jiġri wara l-aggressur, ra lill-vittma mimlija demm b’qatgħa kbira fuq sidirha.
Id-difiża staqsiet kemm kien hemm bogħod bejniethom u l-akkużat x’ħin rawh qrib l-oġġetti tagħhom, bix-xhud jgħid li kien hemm biżżejjed biex ma jħossuhomx beżgħana dak il-ħin.