Il-Ħamis filgħodu, quddiem l-Imħallef Edwina Grima, suppost kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda tal-esperti fl-inkjesta tal-isptarijiet.
Però għal darba oħra, l-argument waqa’ fuq kif l-espert ewlieni fl-inkjesta tal-isptarijiet Jeremy Harbinson ma jridx u lanqas jista’ jixhed f’dan il-każ.
Fil-bidu ta’ din is-seduta l-Imħallef qalet li l-affidavit ta’ Jeremy Harbinson, fl-oriġinal tiegħu huwa f’idejn il-Qorti hekk kif intbgħat bil-posta u ordnat li dan l-istess affidavit jiġi inserit fl-atti tal-kumpilazzjoni.
Id-Difiża qalet li Harbinson qiegħed iwettaq żewġ atti kriminali, l-ewwel wieħed li ma jrid bl-ebda mod jixhed quddiem il-Qorti Maltija, b’disprezz kbir għall-Qorti u għamlet osservazzjoni li dan l-istess Harbinson fit-28 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra, Jeremy Harbinson xehed quddiem il-Qorti u qal li lura f’Lulju ta lura l-warrant tiegħu ta’ accountant forensiku u għalhekk ma setax jixhed iktar.
Sadanittant il-Qorti infurmat lid-Difiża li għalkemm stiednet lill-imsemmi xhud biex jixhed permezz ta’ kollegament b’mezzi elettroniċi u virtwali, din l-istedina ġiet minnu rrifjutata. Il-Qorti nnotifikat ukoll lix-xhud uffiċjalment bil-posta, iżda sal-lum ma rċeviet xejn lura.
L-avukat Franco Debono tenna kif dan is-suppost espert qed jagħmel ħiltu kollha biex ma jixhed imkien u għalhekk il-Qorti għandha tieħu passi billi tinforma lill-Kummissarju tal-Pulizija u jibda l-investigazzjonijiet. Intqal li l-atteġjament li qed jieħdu dan il-bniedem, huwa dispreġġjattiv.
L-Avukat ġenerali qal li f’dan il-punt hemm għad xi ħaġa li tista’ ssir biex jixhed u jwieġeb id-domandi ta’ kulħadd.
Punt ieħor li qajmet id-Difiża waqt din is-seduta kienet li r-rapport mhuwiex maħluf fl-intier tiegħu. Dan għaliex espert Irlandiż ieħor Sam Sittlington, waqt ix-xhieda tiegħu semma li hemm escel spreadsheets però dawn qatt ma waslu għand il-Maġistrat Inkwirenti.
Huwa għal dawn ir-raġunijiet li d-Difiża talbet lill-Qorti għall-fini ta’ dawn il-proċeduri, ma tiħux konjuzzjoni tar-rapport ta’ Harbinson, ġaladarba li d-Difiża hija prekluża li teżerċità kontroll fuqu billi tagħmel kontro-eżami kif mitlub minnha.
L-Imħallef Edwina Grima se tkun qed tagħti d-deċiżjoni tagħha fis-seduta li jmiss, aktar tard f’Marzu.