Santo Arena, Sqalli li għandu tmienja u erbgħin sena u li joqgħod f’San Pawl il-Baħar, ittella’ b’arrest il-Qorti mixli li kellu fil-pussess tiegħu ammont kbir ta’ droga f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv, li bigħ u ttraffika d-droga kannabis u li assoċja ruħu ma’ persuni li jbiegħu u jittraffikaw kannabis grass.
Fi stqarrija aktar kmieni, il-Pulizija qalet li wara jiem ta’ investigazzjoni, waslet għal sejba ta’ madwar erbgħa u ħamsin kilogramma ta’ droga kannabis, li għandha valur fit-triq ta’ madwar tmien mija u tmenin elf ewro.
Fil-Qorti ġie spjegat li fil-ġimgħat li għaddew uffiċjali kienu qed jagħmlu sorveljanza fuq binja partikolari minħabba li kellhom tagħrif li seta’ kien hemm attività relatata ma’ drogi. F’appartament minnhom, il-pulizija sabu lill-imputat flimkien mal-familja tiegħu u fit-tfittxija nstabu diversi pakketti mdaqqsin li allegatament fihom id-droga.
Quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil, l-imputat ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih, waqt li l-Qorti ordnat biex l-assi tiegħu jiġu ffriżati.
L-avukati tad-difiża, Mario Mifsud u Nicholas Mifsud, dehru għall-imputat, iżda min-naħa tagħhom li m’għamlux talba għall-ħelsien mill-arrest.
Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta