Għaxar parruċċani Xlukkajra xehdu li kienu jagħtu donazzjonijiet regolarment u volontarjament lill-parroċċa ta’ Marsasxlokk.
Dan hekk kif komplew il-proċeduri kontra l-eks kappillan Dun Luke Seguna, li jinsab akkużat li allegatament qarraq b’150 parruċċan madwar €500,000 fuq medda ta’ għaxar snin.
Dun Luke Seguna qed jiċħad kull akkużi ta’ frodi, misapproprjazzjoni u ħasil ta’ flus.
Mistoqsija dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom lejn il-parroċċa, kull wieħed mix-xhieda għamel referenza għall-iskema introdotta minn Dun Luke, li permezz tagħha kienet tinġabar donazzjoni ta’ €10 fix-xahar.
Il-qassis kien ifakkar lill-parruċċani tiegħu dwar l-iskema meta jagħmel l-avviżi fil-Quddiesa. Uħud kienu jagħtu donazzjoni ta’ €10 fi flus lill-qassis innifsu fis-sagristija, jew inkella kienu jagħtu l-flus lis-segretarja parrokkjali fl-uffiċċju tagħha, u jieħdu irċevuta. Id-donazzjonijiet spiċċaw fi żmien il-pandemija meta l-knejjes għalqu.
Uħud mix-xhieda spjegaw li għażlu ħlas annwali ta’ €120, permezz ta’ flus kontanti jew b’ċekk. Kollha kkonfermaw li taw il-flus volontarjament biex il-fondi jiġu utilizzati skont il-bżonnijiet tal-parroċċa ta’ Marsaxlokk.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras staqsiet x’kienet qed tipprova turi l-prosekuzzjoni billi tipproduċi ammont kbir ta’ xhieda. L-avukata Ramona Bonett Sladden wieġbet li joħroġ ċar li l-parruċċana taw donazzjonijiet u li l-akkużat kellu kontroll totali fuqhom.
Xhud partikolari qalet li ħafna qabel żmien Dun Luke, il-parruċċani kienu jagħtu donazzjoni permezz ta’ sistema elettronika ġdida fil-knisja parrokkjali. Hija ma setgħetx tiftakar is-sena imma meta mistoqsija x’sar minn dawk id-donazzjonijiet, ix-xhud qalet li dawn kellhom imorru għall-parroċċa.
Il-każ ikompli f’Marzu.