Albaniż ta’ 36 sena ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin wara li uża passaport falz f’pajjiżna. Dan wara li ħalla Malta fil-wieħed u 30 ta’ Lulju li għadda lejn ir-Renju Unit fejn l-awtoritajiet tal-pajjiż indunaw li l-passaport Grieg li kellu kien wieħed falz. Kien għalhekk li huwa ntbagħat lura Malta fejn tressaq il-Qorti u ammetta li kellu fil-pussess tiegħu dan id-dokument taparsi, maħruġ mill-Greċja fuq persuna b’isem ieħor.
F’każ separat il-prosekuzzjoni rrimarkat li fis-sitwazzjoni attwali fl-Ewropa, reat bħal dan qed isir iktar ta’ tħassib.
F’każ seprat Russa ta’ 49 sena, li toqgħod ix-Xemxija, kienet ikkundannata tmien xhur ħabs sospiżi għal sentejn. Dan wara li hi wkoll ammettiet li ppreżentat dokument falz lill-awtoritajiet. Għalkemm din id-darba mhux passaport. Ir-Russa li ilha madwar għaxar snin tgħix f’Malta, ammettiet li biex tkun tista’ tieħu l-viża u tibqa’ f’pajjiżna, ppreżentat lil Identity Malta ftehim dwar il-kera tal-post li ma kienx minnu.