Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, qal li jinsab fil-proċess biex il-Ministeru tiegħu jniedi l-ewwel Strateġija Nazzjonali speċifika għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidji.
Dan ħabbru waqt li, fil-Parlament fl-aħħar jiem, wieġeb għal mistoqsija tad-Deputata Graziella Attard Previ.
Waqt li s-servizzi tal-Istat fil-kura tas-saħħa mentali komplew jissaħħu, inkluż fil-komunità, u sar investiment qawwi fl-aħħar snin, jirriżulta li f’pajjiżna xorta jseħħu medja ta’ 25 suwiċidju fis-sena, kif irreġistrat mill-istatistika uffiċjali mill-2013 sal-2023.
Din is-sitwazzjoni soċjali taffettwa l-aktar lill-faxxa ta’ etajiet bejn il-31 u l-65 sena, fejn ġew irreġistrati l-ogħla persentaġġi fl-aħħar snin. Minkejja dan, minn informazzjoni li ppreżenta l-Ministru Abela fit-tweġiba tiegħu, sa minn etajiet żgħar jeżistu tendenzi ta’ adoloxxenti li jweġġgħu lilhom infushom, anke jekk forsi bla ebda skop li jwettqu suwiċidji, jiġifieri dak li hu magħruf bħala ‘non suicidal self-injury’ jew NSSI fil-qasir.
Mistoqsi kemm kien l-ammont ta’ studenti minorenni li kienu jeħtieġu l-kura minħabba self-harm is-sena li għaddiet, il-Ministru Abela qal li l-għadd ta’ dawk taħt is-16-il sena li ddaħħlu fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei minħabba self-harm jew ħsibijiet simili kien ta’ dsatax, bi sbatax minnhom fl-etajiet ta’ bejn it-tlettax u s-sittax-il sena. Tnejn oħra kellhom bejn ħdax u tnax-il-sena.
Id-dsatax-il żagħżugħ involuti kienu maqsumin bejn għaxra bniet u disgħa subien.
Waqt li r-raġunijiet għal dan jistgħu jkunu varji, esperti jqisu li din il-fażi tal-ħajja adoloxxenti hi diffiċli mmens, kemm minħabba l-istess żvilupp u emozzjonijiet kbar li jiġu miegħu kif ukoll minħabba pressjonijiet li jintefgħu fuqhom f’din l-età bikrija.
Dan japplika għal parti kbira tat-tfal u jseħħ anke fost dawk imrobbijin f’familji sodi u mingħajr ebda probemi soċjali jew finanzjarji.
Esperti jirrakkomandaw lill-ġenituri jew kuraturi ta’ adoloxxenti li hemm diversi sinjali ta’ twissija biex jiġu identifikati fatturi ta’ riskji fl-imġieba tagħhom, inkluż grif jew ġrieħi oħrajn li ma jkunux spjegati minn attivitajiet tipiċi, u/jew sintomi ta’ anzjetà jew dispressjoni u perjodi twal f’iżolament, fost l-oħrajn.
Il-Ministru Jo Etienne Abela tenna li l-Gvern hu konxju minn dan u, għalhekk, jinsab fil-proċess biex iniedi din l-istrateġija nazzjonali, li tindirizza wkoll il-qagħda ta’ żgħażagħ li jweġġgħu lilhom infushom sa minn etajiet żgħar.